Direttur tal-films Awstraljan arrestat fil-Kambodja minħabba spjunaġġ

    Direttur tal-films Awstraljan ingħata sentenza ta’ sitt snin ħabs mill-qorti tal-Kambodja wara li dan instab ħati ta’ spjunaġġ għan-nom ta’ pajjiż mhux magħruf.

    James Ricketson, li għandu 69 sena, kien ġie arrestat f’Ġunju 2017 wara li nstab li kien qiegħed itajjar drone mgħammar b’kamera fuq rally tal-oppożizzjoni.

    Min-naħa tiegħu Ricketson innega dawn l-allegazzjonijiet u l-avukat tiegħu qal li huwa se jkun qiegħed jappella kontra dan il-verdett. L-arrest ta’ dan id-direttur sar fi żmien meta l-Gvern tal-Kambodja qiegħed jieħu miżuri iebsa fil-konfront ta’ dawk li jikkritikawh. Il-gvern ta’ dan il-pajjiż qiegħed isir dejjem iktar awtoritarju.

    Ricketson żar il-Kambodja diversi drabi f’dawn l-aħħar għoxrin sena u hi ħaġa magħ­rufa li huwa kritiku kbir tal-Prim Ministru attwali Hun Sen. Il-midja li tappoġġ­ja lill-Gvern penġiet lil Ricketson bħala spija li qiegħed jaħdem biex jippromwovi revoluzzjoni. Min-naħa tiegħu Rickeston qal li huwa lanqas irid jemmen li tressqu dawn l-akkkużi fil-konfront tiegħu. Wara li ngħata l-verdett fil-qo­rti Ricketson staqsa, “għan-n­om ta’ liema pajjiż qiegħed inwettaq dan l-ispjunaġġ?”

    L-Imħallef Seng Leang, fis-sentenza tiegħu qal li l-Qorti Muniċipali ta’ Phnom Penh qiegħda ssib lil James Ricketson ħati ta’ spjunaġġ u li ġabar informazzjoni li hija ta’ theddida għall-pajjiż bejn Diċembru 2010 u Ġunju 2017.

    Il-prosekuzzjoni kienet argumentat li x-xogħol ta’ Ricketson penġa stampa kerha tal-Kambodja fix-xena internazzjonali.