Isqof akkużat b'fastidju sesswali jitlob apoloġija lil Ariana Grande

    L-Isqof li mexxa l-funeral ta’ Aretha Franklin talab apoloġija lill-kantanta Ariana Grande wara li kien akkużat li taha fastidju sesswali.

    Ritratti li nxterdu fuq il-midja juru lill-Isqof Charles H Ellis lll jaqbad lil Ariana mill-parti ta’ fuq ta’ qadda, bis-swaba’ tiegħu jagħfsu sider il-kantanta mill-ġenb.

    Huwa qal li “qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li jmiss sider ta’ mara… Forsi qbiżt il-limitu, forsi kont wisq kunfidenti”.

    L-Isqof spjega li hu għannaq lill-artisti kollha li kien hemm waqt iċ-ċerimonja kemm dawk femminili kif ukoll dawk maskili.

    Kollox beda hekk kif ritratti li bdew jinxterdu kienu akkompanjati minn kritika lejn Ariana Grande minħabba li kienet liebsa wisq qasir għal din it-tip ta’ ċerimonja, iżda hekk kif ritratt minnhom ħareġ iffukat fuq id l-Isqof kollox bħal donnu inbidel, b’dan tal-aħħar jispiċċa fil-mira tal-kritika.