Iċ-Ċina ddaħħal miżuri li jirregolaw il-logħob diġitali

    L-awtoritajiet Ċiniżi ħabbru pjanijiet għal kontroll fuq il-logħob diġitali u dan minħabba li n-numru ta’ tfal li għandhom il-vista t’għajnejhom batuta qiegħed jiżdied.

    Dawn ir-regolamenti mistennija jillimitaw in-numru ta’ logħob online, jagħmlu restrizzjonijiet fuq il-ħin li wieħed idum jilgħab kif ukoll idaħħlu kontrolli fuq l-età.

    Rapport li kien ippubblikat fl-2015 sab li 500 miljun ċittadin Ċiniż isofri minn vista batuta, dan ifisser iktar minn nofs il-popolazzjoni li għandha iktar minn ħames snin.

    Iċ-Ċina għandha l-ikbar industrija tal-logħob diġitali fid-dinja u minħabba din l-aħbar kumpaniji lokali tal-logħob raw l-ishma tagħhom jonqsu b’mod drammatiku.

    Il-Ministeru tal-Edukazzjoni taċ-Ċina ħareġ din il-policy ġdida nhar il-Ħamis li għadda wara li l-President Xi Jinping, aktar kmieni, kien sejjaħ għal iktar attenzjoni dwar is-saħħa ottika. 

    Id-dokument imsemmi iktar kmieni jgħid li l-livell għoli fin-numru ta’ persuni li għandhom vista batuta huwa attribwit għall-istudju tal-iskola, it-tixrid tal-mowbajls u apparat ieħor elet­troniku kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ attività fiżika barra mid-dar.