Ma taqbilx li jinkiser is-sigriet tal-qrar

    Rapport ta’ inkjesta fl-Awstralja jgħid li l-qassisin għandhom jirrapportaw każijiet ta’ abbużi sesswali fuq tfal li jkunu saru jafu bihom permezz tal-qrar

    Il-Knisja Kattolika fl-Awstralja rriġettat b’mod formali r-rakkomandazzjoni li għamlet inkjesta mwaqqfa apposta biex il-qassin ikunu kostretti li jikxfu informazzjoni dwar abbużi sesswali li tkun waslet għandhom permezz tal-qrar.

    L-inkjesta, li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ħames snin, sabet li għexieren ta’ eluf ta’ tfal sofrew abbużi f’istituzzjonijiet Awstraljani, l-iktar f’dawk tal-Knisja Kattolika.

    Ilbieraħ, il-kapijiet tal-Knisja qablu ma’ ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ressqet din l-inkjesta, iżda jidher li l-parti li titkellem dwar is-sigriet tal-qrar mistennija li toħloq kunflitt mal-gvern fil-futur.

    Uffiċjali tal-Knisja Awstraljana qalu li l-ksur tas-siġill tal-qrar “imur kontra l-fidi tagħna u joħloq kunflitt mal-libertà reliġjuża.” L-uffiċjali komplew jgħidlu li, “aħna ninsabu kummessi li nipproteġu lit-tfal u lil nies vulnerabbli iżda fl-istess waqt irridu nipproteġu s-siġill (tal-qrar)”

    Il-kapijiet tal-Knisja qalu li huma se jkunu qed ifittxu għażliet oħrajn – fosthom hemm li jitolbu lill-Vatikan biex jillaxka ftit ir-regolamenti dwar iċ-ċelebat.

    L-inkjesta tal-kummissjoni rjali, li kienet ġiet konkluża f’Diċembru li għadda, semgħet iktar minn 8,000 testimonjanza dwar abbużi fi knejjes, skejjel u anke klabbs sportivi. Ir-rapport finali fih iktar minn 400 rakkomandazzjoni lill-Gvern kif ukoll lil setturi oħrajn. 

    Min-naħa tiegħu l-Gvern tal-pajjiż iddeskriva dawn l-abbużi bħala “traġedja nazzjonali” u immedjatament beda skema ta’ kumpens lill-vittmi kif ukoll qal li se ssir apoloġija nazzjonali fit-22 ta’ Ottubru li ġej.

    Fost affarijiet oħra, il-kummissjoni rrakkomandat li l-kleriċi Kattoliċi għandhom jiffaċċjaw proċess kriminali jekk dawn jonqsu li jirrapportaw każi­jiet ta’ abbużi sesswali li jkunu saru jafu bihom waqt il-qrar. 

    Rakkomandazzjoni oħrajn tgħid li l-Knisja Kattolika għandha tagħmel iċ-ċelebat għall-qassisin bħala xi ħaġa volontarja hekk kif “minkejja li din mhix il-kawża diretta li wasslet għall-abbużi fuq it-tfal” din bla dubju “kkontribwixxiet għal dawn l-abbużi”.