Mara Pollakka tinżamm maqfula f'kontenitur tal-plastik minn bidwi Taljan għal ġimagħtejn sħaħ

    Mara Pollakka ta; 44 sena inżammet maqfula għal ġimagħtejn f’kontenitur tal-plastik minn bidwi fit-Tramuntana tal-Italja. Dan kien żvelat mill-ġurnali Taljani.

    Il-bidwi, li kien rapportat li kien ukoll il-maħbub tal-mara, iddeċieda li jżomm lill-mara maqfula f’kontenitur ta’ metru kubu wara ġlieda li kellhom nhar l-14 ta’ Awwissu li għadda.

    Jidher li l-bidwi Taljan kien jieħu ilma u okkażjonalment ikel lill-mara minn żmiem għal żmien.

    Il-mara nstabet nhar it-28 ta’ Awwissu li għadda minn ħaddiema li kienu qed jaqtgħu l-ħaxix fil-viċinanzi, b’dawn jisimgħu l-għajjat għall-għajnuna tal-mara.

    Jidher li l-ħaddiema minnufih avżaw lill-Pulizija Taljana li ħelsu lill-mara Pollakka u ħaduha l-isptar għall-kura.

    Minn tfittxijiet li għamlu l-Pulizija sabu l-handbag u l-mowbajl tal-mara fir-residenza tal-bidwi. Il-bidwi kien arrestat ilbieraħ u qed jiffaċċja akkużi b’rabta ta’ ħtif ta’ persuna u anke li ttorturaha.