Aktar minn kilo eroina tinstab moħbija f’gallinar f'razzett fis-Siġġiewi

    F’operazzjoni ilbieraħ tard waranofsinhar, membri mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga assistiti mill-Pulizija tas-sezzjoni tal-klieb. għamlu tfittxija f’razzett fil-lokalità tas-Siġġiewi minn fejn ġie elevat aktar minn kilo sustanza suspettata eroina li kienet moħbija f’gallinar.

    Wara aktar investigazzjonijiet il-Pulizija elevat ukoll ammont iżgħar ta’ sustanza bajda suspettata kokaina li kenet moħbija f’vettura li kienet qed tiġi użata minn ġuvni ta’ 33 sena residenti Ħal Qormi.

    Il-ġuvni flimkien ma’ sid ir-razzett, raġel ta’ 42 sena mis-Siġġiewi, ġew arrestati u meħuda fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija li għadhom għaddejjin. Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet informata bis-sejba u ordnat inkjesta fejn ħatret diversi esperti biex jassistuha.

    Mhux eskluż li ż-żewġt irġiel jitressqu l-Qorti taħt arrest għada b’rabta ma’ din is-sejba tad-droga.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.