Il-Gvern Libjan jappella għall-kalma wara tlett ijiem ta’ ġlied li ħalla ħames persuni mejtin

    Mexxejja tal-Gvern tal-Ftehim Nazzjonali Libjan, li huwa rikonoxxut internazzjonalment, appellaw għall-kalma wara tlett ijiem ta’ ġlied fost gruppi rivali armati fil-kapitali Libjana.

    Attwalment hemm fis-seħħ ftehim għal waqfien mill-ġlied, wara li ħames persuni tilfu ħajjithom fil-ġlied ta’ dawn l-aħħar jiem. Djar, u moskeji wkoll ġarrbu ħsarat hekk kif intlaqtu mill-artillerija.

    Nhar it-Tnejn li għadda l-Ministru għas-Saħħa ddikjara stat ta’ emerġenza hekk kif il-ġlied li beda l-Ħadd kompla jeskala.

    Il-ġlied kien jinvolvi lil milizji lokali u lil ġellieda tribali ta’ al-Kani, li lkoll jaqgħu taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Ftehim Nazzjonali Libjan.

    Il-ġlied ta’ dawn l-aħħar jiem segwew l-attakk imdemmi tal-ġimgħa li għaddiet li fih inqatlu sitt suldati tal-Gvern Libjan.