Malta rikonoxxuta minn CoinDesk għar-regolamentazzjoni kriptografika

    Malta kisbet rikonoxximent bħala l-pajjiż pijunier fir-regolamentazzjoni kriptografika mill-pubblikazzjoni elettronika internazzjonali tal-bitcoin CoinDesk, sit ewlieni tal-aħbarijiet li jispeċjalizza fl-oqsma tad-Distributed Ledger Technology (DLT) u l-muniti diġitali. Fl-aħħar stħarriġ tagħha, li jsir kull tliet xhur, Malta ġiet fl-ewwel post bħala l-ġurisdizzjoni b’regolamentazzjoni xierqa għall-bitcoin, qabel il-Ġappun, l-Iżvizzera, l-Amerka, il-Korea t’Isfel, Singapore u r-Renju Unit. 

    Fil-kummenti li ta fuq dan l-għarfien pożittiv minn CoinDesk, iċ-Chairman ta’ FinanceMalta, is-Sur Kenneth Farrugia qal li, “Malta malajr identifikat il-possibbiltajiet li l-muniti kriptografiċi u t-teknoloġija blockchain jistgħu joffru, u għal din ir-raġuni konna pijunieri fil-ħolqien ta’ ambjent li jattira u jappoġġja bl-aħjar mod l-iżvilupp ta’ din l-industrija f’Malta. Dan huwa ċertifikat għall-ħidma sfiqa u l-ħsieb għaqli tagħna, kif ukoll għad-determinazzjoni biex inkunu minn ta’ quddiem f’dan is-settur, mhux biss issa imma wkoll meta dan jevolvi fil-futur.” 

    Il-Parlament Malti uffiċjalment għadda 3 atti legali, u stabilixxa l-ewwel qafas regolatorju għall-blockchain, il-muniti kriptografiċi u d-DLT. Dan kollu għamel lil Malta l-ewwel pajjiż fid-dinja li qed jipprovdi sett uffiċjali ta’ regolamenti għall-operaturi tas-setturi tal-blockchain, il-muniti kriptografiċi u d-DLT.

    Il-qafas regolatorju hu msejjes, qabelxejn, fuq il-ħsieb li “t-teknoloġija tiġi l-ewwel” u jiffoka fuq governanza interna u responsabbiltajiet għall-awtorità regolatorja biex tiċċertifika l-pjattaformi u tipprovdi ċertezza legali lil dawk li jkunu jixtiequ jużaw il-pjattaforma tad-DLT. Barra minn hekk, dan il-qafas joffri ċertezza lil dawk li qed ifasslu skambji u lill-kumpaniji li joperaw fis-suq tal-muniti diġitali u, fl-aħħar nett, jistabbilixxi r-reġim li jirregola prodotti bħall-ICOs, l-iskambji tal-muniti kriptografiċi, il-fornituri tal-portafolli, eċċ. 

    Din is-sistema ta’ tliet partijiet toffri ċertezza legali li tipproteġi lill-konsumaturi, tħares lill-investituri, u li twassal għal aktar trasparenza mingħajr ma xxekkel l-innovazzjoni. L-istħarriġ ta’ CoinDesk diġà qed juri li Malta hi waħda mill-aħjar pajjiżi biex fiha jitwaqqfu n-negozji kriptografiċi u jqiegħed lil Malta bħala pajjiż pijunier fl-innovazzjoni ekonomika.