Prostituta tinqatel wara li ppruvat tiddefendi klijent tagħha... bosta jipprotestaw favur aktar protezzjoni

    Ħames persuni qegħdin ikunu akkużati bil-qtil ta’ prostituta transesswali li allegatament ippruvat tiddefendi lill-klijent tagħha meta xi persuni aġixxew b’mod perikoluż viċin il-vettura tiegħu f’Pariġi.

    Vanesa Campos ta’ 36 sena nqatlet fil-lejl tas-16 ta’ Awwissu f’Bois de Boulogne, f’żona magħrufa għall-ġbir tal-prostituti.

    Hija nqatlet wara li ntlaqtet b’tir f’sidirha fit-tentattiv tagħha li twaqqaf persuni armati li ppruvaw jisirqu l-vettura tal-klijent tagħha. Skont ma kien irrapurtat jidher li Campos bdiet tgħajjat għall-għajnuna, iżda  l-ħbieb tagħha ma laħqux waslu fil-ħin biex isalvawha.

    L-aħbar tal-mewt tagħha ħolqot furur kbir b’mijiet jipprotestaw favur protezzjoni aħjar għall-prostituti. Dawn li pprotestaw saħqu li għandu jkun hemm reviżjoni fil-liġi tal-2016 li kriminalizzat il-ħlas għas-sess fi Franza u żiedu jgħidu li dan wassal biex il-prostituti jaħdmu f’żoni aktar iżolati biex jevitaw il-pulizija.