Ħames xhur ħabs talli ma ffirmax l-għassa

    Raġel ta' 33 sena li s-sieħba tiegħu għadha kemm keċċietu minn darha kien ikkundannat ħames xhur ħabs talli naqas li jiffirma l-għassa tal-Pulizija.

    Fabian Sciriha ammetta li fil-25 ta' Awwissu u fil-jiem ta' qabel naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Maġistrat Aaron Bugeja fil-11 ta' Ġunju li għadda.

    Dawn kienu jinkludu li jiffirma l-għassa tal-Ħamrun bejn it-8.00 a.m.u l-10.00 p.m. u li jkun ġewwa r-residenza li kien qed jgħix fiha fil-Marsa bejn id-9.00 p.m. u s-6.00 a.m.

    L-Avukat Dustin Camilleri, li deher għaliha, spjega lill-Maġistrat Audrey Demicoli kif ir-raġel kien għadu kemm tkeċċa mid-dar tat-tfajla u għalhekk ma kellux fejn joqgħod tant li kien qed jorqod fi ġnien fl-istess lokalita.

    Waqt li nfurmaha li Sciriha kien se jammetti, l-imsemmi avukat irrimarka kif ir-raġel għandu l-vizzju tad-droga u ma ffirmax l-għassa tal-Pulizija minħabba l-problemi li għaddej minnhom.

    Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Spiridione Zammit irribatta billi spjega li huwa arresta lir-raġel biex jinterrogah fuq żewġ serqiet għalkemm spjega li dawn għadhom qed jiġu investigati.

    Fl-istess waqt insista li Sciriha naqas li jiffirma diversi drabi u ma kinietx xi okkażjoni ta' darba li m'għamilx hekk waqt li nsista li minħabba l-vizzju li għandu jkun aktar ta' periklu għar-raġel li joqgħod barra.

    Kien wara li semgħet dan li l-Maġistrat Demicoli ikkundannat lil Sciriha għal ħames xhur ħabs.