Eritrean mixli li hedded żewġ pulizija

    Żagħżugħ mill-Eritrea li joqgħod f'indirizz mhux magħruf baqa' miżmum taħt arrest wara li kien mixli li hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija.

    Liebes flokk b'wiċċ Che Guevara fuqu, Zere Negasi Gebrehiwet ġie akkużat li fis-26 ta' Awwissu, għall-ħabta tal-4.15 a.m., mhux biss hedded lill-istess pulizija imma naqas li jobdi l-ordnijiet tagħhom.

    Huwa kien mixli wkoll li offenda l-pudur jew il-morali u li kiser il-kwiet u l-paċi pubblika b'għajjat u ġlied.

    Permezz tal-Avukat Dustin Camilleri, Gebrehiwet wieġeb mhux ħati ta' dawn l-akkużi miġjubin kontrih.

    Iż-żagħżugħ Eritrejan tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli mill-Ispettur Elliott Magro.