Salesman mixli li żamm raġel maqful f'garaxx

    Raġel ta' 39 sena minn Ħal Qormi li jaħdem bħala salesman qed jinżamm taħt arrest wara li tressaq fil-Qorti mixli, fost oħrajn, li żamm ieħor kontra l-volonta tiegħu fil-garaxx fejn jgħix.

    Renald Baldacchino ġie mixli li bejn it-23 u l-24 ta' dan ix-xahar, fil-garaxx li jgħix fih fi Triq il-Mejjilla, żamm lil Pierre Sammut kontra l-volonta tiegħu.

    Huwa kien mixli wkoll li ikkaġunalu ferita ħafifa, li heddu bil-mewt u li laqa' għandu ħwejjeġ misruqa.

    L-Ispettur Roderick Agius, li investiga l-każ mal-Ispettur Shaun Friggieri, talab lill-Maġistrat Audrey Demicoli biex Baldacchino ma jinħelisx mill-arrest kemm għax mhux affidabbli kif ukoll għax fil-każ iridu jixhdu 11-il persuna fosthom l-allegat vittma.

    Huwa rrimarka li ħafna minn dawn ix-xhieda jgħixu fil-garaxx ta' Baldacchino u allura faċli jkellimhom jekk jinħeles.

    L-Avukat Noel Bianco, li qed jidher għall-akkużat, ma qabilx mal-oġġezzjoni tal-imsemmi spettur u rrimarka li l-klijent tiegħu kien qed jilqa' għandu nies li ma kellhomx dar fejn semma kif din problema li qed tikber minħabba li ma jaffordjawx iħallsu l-kera.

    Huwa sostna li Baldacchino ma kellux ibati għax kien qed jilqa' għandu dawn in-nies u li seta jsir huwa li jinħeles u x-xhieda ma jibqgħux jgħixu għandu sakemm jinqata' il-każ.

    Wara li semgħet liż-żewġ naħat jittrattaw, il-Maġistrat Demicoli iddeċidiet li tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.