“Jistgħu jiġu ffrankati sa massimu ta’ €250 mill-kont”

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar li l-Gvern se jkun qed jaħdem ma’ aġenziji mill-qasam tal-għajnuna soċjali għat-tieni fażi tal-iskema Energy Efficiency Support fis-settur residenzjali. 

    Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji dwar l-iskema li tħaddmet bejn l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-LEAP, fejn permezz ta’ eżerċizzju ta’ żjarat fi djar fost persuni identifikati bħala vulnerabbli f’Malta u Ghawdex, intgħażlu 250 dar li mingħajr ma jafu kienu qegħdin jużaw konsum għoli ta’ enerġija b’apparat elettrodomestiku antik u li jaħli ħafna aktar dawl minn dak modern.

    Il-Ministru spjega kif dan kien sforz kollettiv bl-iskop ewlieni li persuni vulnerabbli jiġu mgħejjuna biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar b’inqas spejjeż fil-konsum. B’hekk, il-Gvern qed ikompli jżid l-għarfien dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-konservazzjoni tal-ilma.

    Il-Ministru Mizzi qal li li din il-miżura timxi mal-pjan nazzjonali dwar l-effiċjenza tal-enerġija sal-2020. Żied jgħid li grazzi għas-suċċess ta’ dan il-proġett, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma diġà qiegħda taħdem ma’ diversi aġenziji oħra li jaħdmu fil-qasam tal-għajnuna soċjali bħall-Aġenzija Appoġġ u l-Aġenzija Sapport għat-tieni fażi ta’ din l-iskema.

    Il-Ministru fakkar kif ix-xogħol tal-aġenzija mhuwiex limitat biss għal dan il-proġett. L-Aġenzija toffri żjarat b’xejn fid-djar lil kull min hu interessat li jnaqqas mill-konsum tal-enerġija u l-ilma, u dan mingħajr ma jkollu jsir xi tibdil kbir fid-djar.

    Filwaqt li rringrazzja lir-rappreżentanti tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma kif ukoll lill-persuni minn LEAP li ħadmu flimkien biex twettaq dan il-proġett, il-Ministru awgura aktar koperazzjoni bejn l-entitajiet biex fl-aħħar mill-aħħar tkompli tasal l-għajnuna għand persuni vulnerabbli u aktar konsumaturi jitgħallmu kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-enerġija fil-ħajja ta’ kuljum.