Esibizzjoni artistika ta’ Valletta 2018 tesplora futuri alternattivi

    L-aktar esibizzjoni riċenti ta' Valletta 2018, Cabinet of Futures, tnediet illum fiċ-Ċentru San Ġużepp Ħaddiem f'Birkirkara (is-sala tal-parroċċa). L-esibizzjoni, li tesplora futuri alternattivi b'mod kreattiv, tibqa' miftuħa għall-pubbliku bla ħlas sal-24 ta' Novembru.

    Matul l-aħħar ftit xhur saru workshops mill-grupp tal-arti u l-kultura Awstrijak Time's Up. Waqt dawn is-sessjonijiet, membri tal-pubbliku ġew mistiedna jaħsbu dwar il-ġejjieni ideali tagħhom biex virtwalment joħolqu dan il-futur b'mod kreattiv permezz tal-arti.

    L-ideat iġġenerati matul dawn il-laqgħat ta' ħidma jingħataw il-ħajja f'din il-wirja speċifika għas-sit li qiegħda tittella' fih. Din l-esibizzjoni immersiva toħloq atmosfera ta' laboratorju "proto-xjentifiku", u tistieden individwi u komunitajiet lokali biex jagħtu l-kontribut tagħhom fiha, billi jaħsbu fuq dak li jixtiequ jaraw u jesperjenzaw fil-futur.

    Matul il-workshops, futuristi rinomati internazzjonalment ingħaqdu ma' esperti u ċittadini lokali biex flimkien jaqsmu u jiddiskutu x-xenarji immaġinattivi, il-ħolm u t-tħassib tagħhom. Permezz ta' skambju kreattiv kontinwu minn persuni li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, il-futuri ipotetiċi ppreżentati jsiru siti li qed jevolvu kontinwament f'dinjiet aktar sinjuri u dejjem iktar aċċessibbli.

    Il-ħolqien ta' futur li jista' jiġi esperjenzat mill-pubbliku b'mod tanġibbli u interattiv tagħmilha faċli biex wieħed ikun jista' jimmaġina l-futur b'mod aktar reali. Il-viżitaturi huma mistiedna jagħtu ħarsa lejn fabbriki, laboratorji jew aġenziji tal-ivvjaġġar kif forsi se jkunu jidhru fl-2047, u se jkollhom l-opportunità li jisimgħu konverżazzjonijiet ta' kuljum bejn ċittadini tal-futur, jaqraw gazzetta mill-futur, u anke jieħdu diversi fuljetti u kartolini magħhom id-dar. L-udjenza hija mistiedna biex mhux biss tosserva iżda biex tinvestiga, biex tesplora b'mod kritiku dak li hemm madwarha u timmaġina kif wieħed jixtieq li d-dinja tkun fil-futur. Il-futur huwa post interessanti, kollha kemm aħna se nqattgħu l-bqija ta' ħajjitna hemmhekk.

    Se jsiru taħditiet fi Studio Solipsis fir-Rabat, filwaqt li se jsiru wkoll aktar workshops fl-istess post fejn qed tittella' l-esibizzjoni f'Birkirkara matul Settembru u Novembru.

    Għal aktar informazzjoni u għall-programm sħiħ ta' attivitajiet żurvalletta2018.org u segwi l-paġna ta' Valletta 2018 fuq Facebook.

    L-esibizzjoni se tkun miftuħa mit-Tlieta sal-Ħadd bejn l-16:00 u t-20:00, mill-24 t’Awwissu sal-24 ta' Novembru 2018. Qed tittella' fiċ-Ċentru San Ġużepp Ħaddiem, 71, Triq Bwuża, Birkirkara (is-sala tal-parroċċa).

    Cabinet of Futures hi organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-appoġġ tad-Diviżjoni tal-Arti u l-Kultura tal-Kanċellerija Federali tal-Awstrija, Linz Kultur, OOE Kultur, LINZ AG u Ecoduna.