ARA: Ftehim settorali ġdid għas-‘support staff’ fis-settur tas-saħħa

    Il-GWU bi qbil mal-Ministeru tal-Familja; il-qbil jinkorpora iktar taħriġ intern, kif ukoll opportunitajiet t’avvanz professjonali

     

    Aktar kmieni llum, l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union iffirmaw ftehim settorali, kif ukoll memorandum ta’ ftehim, mal-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali, rigward l-istaff ta’ appoġġ li jaħdmu fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani madwar Malta u Għawdex. 

    Is-Segretarju għat-Taqsima tal-ħaddiema tal-Gvern u l-entitajiet pubbliċi, Jeremy James Camilleri, spjega kif dan il-ftehim kien ilu fil-proċess tal-ifformolar għal diversi snin. “It-talba oriġinarju għal dan il-ftehim saret madwar sebgħa snin ilu, mis-Segretarju tat-Taqsima ta’ dak iż-żmien Josef Bugeja (li llum huwa s-Segretarju Ġenerali.) Dakinhar, it-talba tagħna ġiet injorata kompletament. Fl-2014, erġajna għamilna l-istess talba, u dan wassal biex jibdew in-negozjati.”

    “Dawn in-negozjati kienu kemmxejn ikkomplikati, kemm minħabba l-ħtiġijiet diversi ta’ dan ix-xogħol, kif ukoll minħabba l-fatt li konna qegħdin ninvolvu żewġ ministeri differenti, iġifieri il-Ministeru tas-Saħħa, kif ukoll il-Ministeru għall-Familja, Solidarjeta Soċjali u Drittijiet tat-Tfal. Grazzi għall-appoġġ li ngħatajna mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRU), il-partijiet kollha ġew mlaqqgħin, u stajna niffirmaw dan il-ftehim.”

    Iktar opportunitajiet biex il-ħaddiema javvanzaw fil-professjoni tagħhom

    Camilleri saħaq li huwa “sodisfatt immens” bir-riżultat, u tenna kif fost l-oħrajn, dan il-ftehim sejjer ikun qiegħed jipprovdi “taħriġ intern lil dawn il-ħaddiema kollha, liema taħriġ imbagħad sejjer jgħinhom biex javvanzaw fil-karriera tagħhom.”

    “Fil-preżent, għandek numru ta’ nies li ilhom jagħmlu dan ix-xogħol għal għexieren ta’ snin, uħud minnhom anke għal għoxrin sena, però minħabba li ma kellhomx dan l-aċċess għal iktar taħriġ, baqgħu fl-istess grad u ma setgħux jiċċaqalqu mill-kariga li kellhom.

    Is-Segretarju tat-taqsima saħaq kif dawn in-nies huma importantissimi għas-settur tas-saħħa pubblika ġewwa Malta: “Kull min imur l-isptar, jew ikun pazjent ġewwa l-istess sptar, bla dubju ikollu ħafna drabi imiss ma’ dawn il-ħaddiema. Ħafna drabi, minħabba li jagħmlu ħafna mix-xogħol ta’ infermier, naħsbu li huwa infermier u mhix assistent. Ix-xogħol tagħhom mal-pazjenti ma jieqafx.”

    “Kien għalhekk li aħna ħassejna, kif fil-fatt qbilna fuqu f’dan il-ftehim, favur il-possibilita li dawn in-nies jkunu jistgħu jipprogressaw b’mod professjonali. F’dan il-ftehim settorali, aħna stipulajna li biex ħaddiema javvanza grad, irid ikollu iktar stħarriġ professjonali intern. Dan l-istħarriġ qiegħed hemm biex nifformalizzaw l-għarfien u l-esperjenza li dawn in-nies kisbu u tgħallmu jagħmlu bl-esperjenza.”

    “Fl-aħħar mill-aħħar, jekk dawn in-nies ikollhom dan it-taħriġ, u huma jkollhom karriera, huma l-pazjenti u r-residenti li fl-aħħar mill-aħħar sejrin jinqdew aħjar.”

    “Xogħol imprezzabbli...Mingħajr dawn il-ħaddiema, l-isptarijiet ma joperawx”

    Intant, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Familjy, Mark Musu, faħħar ix-xogħol “imprezzabbli” li jagħmlu dawn il-ħaddiema, filwaqt li saħaq kif “l-iktar ħaġa importanti li aħna nedejna f’dan il-ftehim settorali huwa r-rikonoxximent formali u uffiċjali li aħna qegħdin nagħtuhom. Mingħajr dawn il-ħaddiema, żgur li l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani ma ngħaddux mingħajrhom.”

    “Ix-xogħol tagħhom huwa mportanti daqs dak tat-tobba u tal-infermiera. B’dan il-ftehim kollettiv li ffirmajna llum, dan finalment qiegħed jiġi rrikonoxxut b’mod formali.”

    Musu esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ftehim, u tenna kif bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, qiegħed isir intervent b’mod dirett fuq il-post tax-xogħol: “Waqt li ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, qegħdin ukoll nintervjenu b’mod dirett, u nassiguraw l-progress fuq il-post tax-xogħol tagħhom.”

    “Essenzjalment, dan il-ftehim qiegħed ikopri ħames gradi differenti ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa. Dawn, grazzi għall-eżerċizzjoni t’assimilazzjoni li qiegħed isir, sejrin jibdew jitqiesu fi grad wieħed. Fl-istess ħin, il-Gvern b’dan il-ftehim qiegħed joffri l-prospett ta’ avvanz lil dawn il-ħaddiema, xi ħaġa li preċedentament din ma kinitx teżisti.”