Is-Salesian Brigade torganizza l-kamp annwali tas-sajf

    Tfal, żgħażagħ u l-uffiċjali tagħhom attendew il-kamp tas-sajf, li sar fil-campsite ta’ Għajn Tuffieħa mit-13 sat-18 t’Awwissu 2018.

    Dan il-kamp, li dam tmint ijiem u likien jinkludi l-advance u r-rear party, kien suċċess għall-grupp kollu, biż-żgħażagħ u t-tfal kollha jixhdu l-ferħ fuq fommhom tul il-kamp kollu. Fost l-attivitajiet li jsiru waqt il-kamp kien hemm it-tlugħ u l-inżul tal-bnadar, għawm, krafts, quddies, talb, mixjiet ta’ bil-lejl, treasure hunts, kwiżż dwar il-biodiversità, ġurnata għall-ġenituri u xogħlijiet tal-kamp. Kien hemm ukoll logħba-ġlieda bil-kuluri, logħob tal-ilma, kompetizzjoni tal-boċċi u logħba bil-kumpass. 

    It-tema tal-kamp ta’ din is-sena kienet “Green Earth, Better Earth” b’kollaborazzjoni ma’ Exchange tal-Erasmus+ fejn 13-il parteċipant tal-MJC Normandija minn Franza, flimkien ma’15-il parteċipant mis-Salesian Brigade ngħaqdu flimkien f’attivajiet bażiċi tal-kamp u attivitajiet relatati mat-tema. Ġew ukoll organizzati attivitajiet oħra bħal mawra f’Għawdex, ħarġa edukattiva għand il-Wasteserve, żewġ cleanups, ħarġa s’għand il-GAIA Foundation u t-Torri biswit, ġlieda paintball, serata kulturali taż-żewġ pajjiżi rappreżentati, laqgħat ta’evalwazzjoni, u preżentazzjoni tal-Youthpass waqt buffet f’lukanda fl-aħħar ġurnata.

    Ġie organizzat ukoll BBQ waqt il-campfire tradizzjonali fejn il-ġenituri u l-ħbieb tal-Oratorju Sależjan kienu mistiedna. Numru sabiħ ta’ nies attendew u assistew għall-kant tipiku tal-campfires, reċti qosra u danza tradizzjonali tad-dragun Ċiniż fejn il-campers kollha ħadu sehem.  Ġiet ikkonċelebrata quddiesa mill-Kappillan tal-Brigade u animata mis-Salesian Worship Team. Il-grupp rebbieħ tal-kamp, l-aqwa camper femminili u maskili kienu wkoll imħabbra waqt din is-serata.

    It-tmexxija tas-Salesian Brigade tixtieq tirringrazzja lill-ufficjali kollha, lill-membri tagħha, ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb lill-membri, voluntiera, ħbieb u lil dawk kollha li b’xi mod joffru donazzjonijiet u jisponsorjaw dawn il-kampijiet kull sena biex ikunu suċċess bħaldejjem.

    Għal aktar informazzjoni rigward il-grupp żuru is-sit http://salesianbrigade.com jew il-paġna ta’ Facebook. Membri ġodda li mħajrin jidħlu membri fil-Brigade għandhom jikkuntattjaw lill-Kaptan tal-Brigade fuq l-imejlsalesianbrigade@gmail.com