Disa’ fatalitajiet fit-toroq Maltin fit-tieni kwart tas-sena

    Waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 6% fl-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku li kienu rrapportati, statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien hemm disa’ fatalitajiet fit-toroq Maltin, b’sebgħa minnhom ikunu rġiel.

    L-istatistika turi li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, ġew irrapportati 3,873 inċident, bl-akbar numru ta’ inċidenti seħħew fid-distrett magħruf bħala “Northern Harbour” li jinkludi Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, il-Ħamrun, l-Imsida, Pembroke, San Ġwann, Santa Venera, San Ġiljan, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà u tas-Sliema.

    Il-lokalità li fiha seħħew l-aktar inċidenti tat-traffiku kien Birkirkara (298) segwita minn Ħal Qormi (215) u San Pawl il-Baħar (203).

    L-istatistika turi li l-ammont ta’ xufiera li sofrew minn ġrieħi ħfief kien dak ta’ 232 waqt li 33 oħra sofrew ġrieħi ta’ natura gravi. Kien hemm 52 persuna oħra li weġġgħu gravi wara li kienu involuti f’inċidenti ta’ traffiku. Fost dawn kien hemm 28 passiġġieri, 22 persuna li kienu mexjin fit-triq (pedestrians) u żewġ ċiklisti. 

    Fil-perjodu inkwistjoni ndarbu ħafif 102 passiġġieri, 36 pedestrian u sitt ċiklisti. Barra minn hekk, tilfu ħajjithom traġikament erba’ xufiera, tliet passiġġieri, pedestrian u ċiklist. 

    Meta kklassifikati skont is-sess tagħhom, jirriżulta li kien hemm 209 irġiel u 167 nisa li sofrew ġrieħi ħfief. Kien hemm 85 persuna li weġġgħu gravi, bil-maġġoranza tagħhom ikunu rġiel (71.8%).

    L-istatistika turi wkoll kif 31% tal-persuni li tilfu ħajjithom kawża ta’ inċident tat-traffiku kellhom bejn 41 u 59 sena.

    Jirriżulta wkoll li l-akbar numru ta’ inċidenti kienu jinvolvu vetturi tal-passiġġieri (58.5%), segwit minn muturi (22.8%) u vetturi li jġorru l-merkanzija (8.3%). 

    L-akbar rata ta’ inċidenti li kkawżaw ġrieħi seħħew nhar ta’ Tnejn mentri l-akbar numru ta’ inċidenti (600) seħħew fil-jum tal-Ħamis. Il-maġġoranza tal-inċidenti seħħew fil-ħin ta’ bejn nofsinhar u 14.59 p.m.