Esebizzjoni nazzjonali tal-briju u armar f’Ħaż-Żabbar

    Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna Tal-Grazzja ta’ din is-sena, kif ukoll fl-okkażżjoni tal-135 sena mit-twaqqif ta' l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883 u l-Ewwel Banda Żabbarija, il-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti fi ħdana għat-tieni sena konsekuttiva se torganizza l-‘Esebizzjoni Nazzjonali tal-Briju u l-Armar’. 

    Din l-esebizzjoni, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, se ssir fit-Triq il-Kbira, it-triq prinċipali li tagħti għal-każin, quddiem il-pjazza tal-każin magħrufa bħala Misraħ is-Sliem u Misraħ San Ġakbu, nhar is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2018 mis-7.00 pm ‘il quddiem. 

    Siegħa wara l-Banda San Mikiel se tilqa’ lill-E.T. l-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preco, quddiem is-Sede tal-Każin biex wara tiġi uffiċjalment imwaqqfa s-St. Michael School of Arts.

    Għal din l-esibizzjoni l-każini kollha ta’ Malta u Għawdex huma mistiedna jesebixxu biċċa ta’ armar bħal bandalora jew pavaljun, kif ukoll xi armar tal-briju li jintrama fi żminijiet tal-festi. 

    Matul din is-serata, se jkun hemm ukoll spettaklu ta’ kant u żfin kif ukoll diversi stands tal-ikel. Matul din l-attività se jsir ukoll ġbir b’risq il-Malta Community Chest Fund. 

    Il-każini kollha li se jipparteċipaw se jingħataw ċertifikat ta' parteċipazzjoni mill-Eċċelenza Tagħha l-President ta' Malta.

    Din l-attività se tkun okkażjoni unika fejn armar differenti minn diversi lokalitajiet se jkun esebit f’post wieħed. Dawk li huma interessati li jipparteċipaw għandhom ġentilment iħallu messaġġ fuq il-Paġna ta' Facebook - Esebizzjoni Nazzjonali tal-Briju u l-Armar (https://www.facebook.com/ENBA18/).

    L-għada l-Ħadd 26 ta’ Awwissu, se terġa’ tiġi organizzata wkoll iż-Żabbar 5K and 3K Fun Run madwar Ħaż-Żabbar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.