“Qed inħallu l-marka tagħna fl-industrija tal-films” - il-Kummissarju Johann Grech

    Waqt li saħaq li l-industrija tal-films qed tissaħħaħ dejjem iktar, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li huwa fl-interess tagħhom li jaraw li jkomplu jinvestu fir-riżorsi umani biex b’hekk ikompli jissaħħaħ is-servizz li huma jagħtu f’din l-industrija. 

    Ma’ dan is-sit, il-Kummissarju tal-Films ħabbar li żdiedu l-ammont ta’ żjarat minn produtturi tal-films barranin interessati biex jiġu jiġbdu xi xeni f’pajjiżna. Huwa qal li din is-sena kien hemm 25 żjara ta’ din ix-xorta, li fi kliemu stess dan hu numru sostanzjali.

    “Dan kollu jixhed l-interess li hawn fuq pajjiżna mill-produtturi tal-films. Pajjiżna għandu ħafna x’joffri kemm bħala lokalitajiet, inċentivi kif ukoll faċilitajiet tal-Malta Film Studios,” qal Grech. “Naturalment qed nikkompetu mad-dinja imma qed inħallu l-marka tagħna.”

    Kien hawn li esprima x-xewqa li r-riżorsi umani tagħhom jkomplu jissaħħu aktar biex b’hekk tkun tista’ tibbenefika l-industrija. Spjega li huma jistgħu joffru servizz lil tliet films fl-istess ħin u għalhekk kien fl-interess tagħhom li jkomplu jinvestu fin-nies tagħhom.

    Mistoqsi dwar il-film “Bharat” li bħalissa qed isir il-ġbid tat-tieni skeda tiegħu f’pajjiżna, is-Sur Grech tenna kif permezz ta’ dan il-film, se jkun hemm “ripple effect” fuq it-turiżmu.

    Min hu Johann Grech? 

    Johann Grech inħatar bħala l-Kummissarju tal-Films fl-1 ta’ Diċembru 2017 u beda l-ħidma tiegħu b’aġenda ambizzjuża li jkabbar l-industrija u jattira aktar produzzjonijiet ġodda lejn Malta, lil’hinn mill-istudios nazzjonali ta’ Hollywood.

    Grech huwa responsabbli għat-tħaddim tal-organizzazzjoni li tappoġġja lill-industrija tal-films u li tħajjar produtturi barranin jiġu jiġbdu f’Malta.

    Fl-aħħar snin, is-Sur Grech kien serva bħala Kap tal-Marketing tal-Gvern. Huwa għandu 15-il sena esperjenza f’produzzjonijiet awdjoviżivi, branding, kampanji kummerċjali u politiċi.