Iħallas lil raġel bla saqaf fuq rasu biex ipenġi tattoo ta' ismu fuq wiċċu!

    F’filmat xokkanti li kien ippubblikat fuq il-midja soċjali, turist Irlandiż jidher iħalla lil raġel ieħor bla saqaf fuq rasu biex jagħmel tattoo ta’ ismu fuq wiċċu. U jekk dan mhux biżżejjed, fil-filmat ir-raġel jidher jiftaħar li din kienet it-32 darba fejn ħallas lil xi ħadd biex jagħmel tattoo ta’ ismu fuq ġismu.

    Ir-raġel, Fouad Fawzi mill-belt ta’ Cork iżda li joqgħod f’Ibiza, jidher jiżżufjetta fil-filmat li ppubblika live fuq Facebook, bil-filmat juri wkoll il-mument fejn ir-raġel bla saqaf fuq rasu kellu ismu mpinġi fuq wiċċu.

    Il-filmat qanqal dibattitu sħiħ, b’diversi persuni jakkużaw lil Fawzi li approfitta ruħu mill-kundizzjoni vulnerabbli tar-raġel biex jiżżufjetta bih.

    Ta’ min jgħid li r-raġel bla saqaf fuq rasu jidher ukoll jieħu s-sitwazzjoni biċ-ċajt, u saħansitra qal li lest li jkollu tattoo oħra b’isem persuna oħra, ladarba jsib lil xi ħadd li jħallsu s-somma ta’ £2,000.