1978: Is-Sena tat-Tliet Papiet

    Meta Papa li jkun għadu kif inħatar imut jew jirriżenja kmieni fil-Pontifikat tiegħu, jista’ jinzerta li fl-istess sena l-Kardinali jkollhom jagħżlu żewġ Papiet. Dan iwassal biex il-Knisja tkun tmexxiet minn tliet Papiet differenti fl-istess sena. Hekk ġara 40 sena ilu, fl-1978bil-mewt għall-għarrieda ta’ Papa Ġwanni Pawlu I, il-Papa tat-Tbissima, Albino Luciani. Fis-6 ta’ Awwissu kien miet il-Papa Pawlu VI, fis-26 ta’ Awwissu ntgħażel Ġwanni Pawlu I, fit-28 ta’ Settembru miet Ġwanni Pawlu I u fis-16 ta’ Ottubru ntgħażel Ġwanni Pawlu II.

    Papa Pawlu VI

    Giovanni Battista Montini, li iktar tard sar Papa Pawlu VI, twieled f’Concesio, qrib Brescia fl-Italja, nhar is-26 ta’ Settembru 1897. Huwa kien il-262 Papa tal-Knisja Kattolika, għal 15-il sena, mill-1963 sal-1978. Kien sar qassis fl-1920, u tliet snin wara ntbagħat fin-Nunzjatura tal-Polonja. Fl-1937, beda jaħdem fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan.

    Fl-1954, ġie kkonsagrat Arċisqof ta’ Milan, fejn ħadem ħafna biex il-Knisja tkun qrib tal-ħaddiema. Fl-1958, inħatar kardinal u ħa sehem attiv fl-ewwel Sessjoni tal-Konċilju Vatikan II f’Ottubru 1962. Wara l-mewt tal-Papa maħbub Ġwanni XXIII fl-1963, l-għażla waqgħet fuqu. Montini ħa l-isem ta’ Pawlu VI minħabba l-interess kbir tiegħu fl-ispiritwalità ta’ San Pawl iżda l-aktar għall-approċ missjunarju tiegħu bħal tal-appostlu Pawlu. L-ewwel att importanti tiegħu kienet it-tħabbira li l-Konċilju se jkompli.

    Il-Papa Pellegrin

    Il-Papa Pawlu VI tlaqqam “il-Papa pellegrin” għax bejn l-1964 u l-1970 għamel disa’ vjaġġi barra mill-Italja biex b’hekk sar l-ewwel Papa fi żminijiet moderni li ħareġ barra mill-Italja. Fl-1964 Pawlu VI żar l-Art Imqaddsa, u sena wara, f’laqgħa storika, flimkien ma’ Atenagora I, il-Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Kostantinopli laħaq ftehim li jħassar l-iskomuniki reċiproċi li kienu saru mill-Knejjes tal-Lvant u l-Punent fl-1054.

    Iżda forsi l-isbaħ mument tiegħu kien nhar l-4 t’Ottubru 1965 meta sar l-ewwel Papa li indirizza n-Nazzjonijiet Magħquda fi New York u l-ewwel Papa li rifes fuq il-kontinent Amerikan. Id-diskors emozzjonanti tiegħu qajjem lill-Assemblea Ġenerali bil-wieqfa f’applaws kbir meta qal il-kliem famuż: “Qatt iżjed gwerra, gwerra qatt iżjed! Paċi, hija l-paċi li trid tmexxi d-destin tal-popli u tal-umanità kollha.”

    Jillandja l-Ajruplan

    Jekk Papa Ġwanni XXIII tajjar “l-ajruplan” tal-Konċilju, Pawlu VI kellu l-biċċa xogħol iebsa li jillandjah tajjeb. Wara l-Konċilju eluf ta’ saċerdoti talbu d-dispensa u lejn l-aħħar ta’ ħajtu Pawlu VI stqarr li dan kien għalih “l-itqal salib” li kellu jġorr. Pawlu VI irriforma l-Kurja Rumana, abolixxa l-aristokrazija papali u neħħa ħafna mill-pompa li kienet għadha assoċjata mal-Papat.

    Pawlu VI żied ħafna n-numru ta’ kardinali mhux Taljani, fosthom il-Pollakk Karol Wojtyla u l-Ġermaniż Josef Ratzinger li t-tnejn kellhom isir Papiet, biex hekk il-Kulleġġ tal-Kardinali ikun jirrifletti l-Knisja kollha. Neħħa s-Sant’Uffizzju u għamel minfloku l-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Wara l-Konċilju ħadem kemm felaħ biex isseħħ ir-riforma fil-Liturġija. Kien fi żmienu wkoll l-liġijiet tas-sawm u astinenza nbidlu u tneħħew ukoll xi restrizzjonijiet li kien hemm qabel biex isir żwieġ ma’ persuna mhux Nisranija.

    Pawlu VI “jagħżel” lil Luciani

    Nhar is-16 ta’ Settembru 1972, Pawlu VI għamel żjara pastorali qasira f’Venezja li matulha ltaqa’ mal-Patrijarka Albino Luciani u qaddes fi Pjazza San Marco. Fi tmiem il-quddiesa, il-Papa neħħa l-istola tiegħu minn fuqu, urieha lill-folla u poġġieha fuq spallejn il-Patrijarka Luciani quddiem kulħadd. Il-ġest tal-Papa, li ħafna ħaduh bħala wieħed "profetiku", ma nġibidx mill-kameras tar-RAI, li kienu laħqu temmew il-kollegament, imma jeżistu diversi ritratti ta’ dakinhar.

    Din l-esperjenza tant baqgħet immarkata fil-qalb u l-moħħ ta’ Luciani li fid-diskors li għamel fl-ewwel Angelus tiegħu bħala Papa Ġwann Pawl I, huwa qal: “Papa Pawlu VI ġagħalni niħmar sal-basla ta’ xagħri fil-preżenza ta’ 20,000 ruħ meta neħħa l-istola tiegħu u poġġieha fuq spallejja. Qatt ma ħmart daqshekk!” Dakinhar il-ġurnalisti kienu qalu li Pawlu VI kien għażel is-suċċessur tiegħu. U ftit xhur wara, fit-tħabbira tal-Konċistorju, Luciani kien l-ewwel fil-lista tal-Kardinali. Fil-5 ta’ Marzu 1973, il-Papa ħatru Kardinal.

    Il-Bieb tal-Ġublew u l-Qawsalla

    Fl-aħħar snin tal-Pontifikat ta’ Pawlu VI, ġraw żewġ avvenimenti kurjużi li ġibdu l-attenzjoni tal-ġurnalisti u ta’ ħafna oħrajn. F’Lejlet il-Milied tal-1974, Pawlu VI fetaħ is-Sena Ġubilari tal-1975. Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Bieb Imqaddes, imxandra dirett fuq it-televiżjoni, biċċiet kbar tal-ġibs inqalgħu u waqgħu quddiem il-Papa bla ma laqtuh.

    Il-ġrajja l-oħra seħħet f’Settembru 1977, meta Pawlu VI mar Pescara għall-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali. Sa ftit qabel wasal il-Papa, kien hemm maltemp kbir, iżda hekk kif il-Papa ħareġ biex iqaddes, ir-riħ u x-xita waqfu u ħarġet qawsalla mill-isbaħ.

    9 ta’ Mejju 1978: L-Assassinju ta’ ħabibu Aldo Moro

    Matul is-sekwestru tal-eks Prim Ministru Taljan Aldo Moro mill-Brigate Rosse, fis-16 ta’ April 1978 Pawlu VI talab, personalment u pubblikament, b’ittra li xxandret fil-ġurnali kollha Taljani ħamest ijiem wara, biex il-ħabib kbir tiegħu Moro jinħeles "mingħajr kundizzjonijiet". Iżda kliemu ma sewa għalxejn għax il-katavru ta’ Moro nstab fid-9 ta’ Mejju fil-boot ta’ karozza Renault ħamra f’Via Caetani, f’Ruma, viċin il-kwartieri tad-Demokristjani u tal-Partit Komunista.

    Fit-13 ta’ Mejju, fil-Bażilika tal-Lateran, sar rit funebri b’suffraġju għal Moro. Dakinhar Pawlu VI, li t-telfa ta’ Moro kien ħassha wisq, għamel waħda mill-isbaħ omeliji fl-istorja tal-Knisja, li tibda b’dulur kbir u tagħlaq b’abbandun fil-ħniena tal-Missier: “U issa xufftejja, magħluqin qishom bi lġiem kbir, bħall-ġebla kbira quddiem il-qabar ta’ Kristu, iridu jinfetħu biex jesprimu d-De profundis, l-għajta, il-bikja tad-dulur li ma jitfissirx ta’ traġedja li bħalissa tifgali leħni. Mulej, ismagħni!

    “U min jista’ jisma’ l-karba tiegħi, jekk mhux għal darb’oħra Int, O Alla tal-ħajja u tal-mewt? Inti ma smajtx is-supplika tiegħi għall-ħelsien ta’ Aldo Moro, ta’ dan il-bniedem tajjeb, ġentili, għaref, innoċenti u ħabib; imma Int, O Mulej, ma abbandunajtx ir-ruħ immortali tiegħu, immarkata mill-Fidi fi Kristu, li hu l-qawmien u l-ħajja. Għalih, għalih, Mulej, ismagħni!”

    6 ta’ Awwissu 1978: Imut Pawlu VI

    Wara l-qtil ta’ Moro, saħħtu marret lura sew u tliet xhur wara, nhar is-6 ta’ Awwissu 1978, festa tas-Salvatur, fl-9.40 p.m., ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu fir-residenza ta’ Castel Gandolfo minħabba edema fil-pulmuni. Kellu 81 sena. Minkejja li kien kritikat ħafna l-aktar fi ħdan il-Knisja nnifisha, Pawlu VI kien irrispettat universalment għall-intellett u l-ispiritwalità, l-umiltà u s-sensibbiltà tiegħu.

    Ħalla miktub hekk fit-Testment tiegħu fl-1965, li fih jitkellem fuq il-biżgħat tiegħu, l-esperjenza tiegħu tal-ħajja, id-dgħufijiet tiegħu, iżda wkoll il-ferħ tiegħu għal ħajja mogħtija għas-servizz ta’ Kristu u tal-Knisja:

    “Nitfa’ ħarsti fuq il-misteru tal-mewt, u dak li jiġi wara, fid-dawl ta’ Kristu... Issa li x-xemx nieżla u din ix-xena temporali stupenda u drammatika waslet biex tintemm, inrodd ħajr lilek, O Mulej, li wara d-don tal-ħajja naturali, tajtni don ikbar, dak tal-fidi u tal-grazzja, li fih biss jien nistkenn... U nħoss lill-Knisja ddawwarni: O Knisja qaddisa, waħda u kattolika u appostolika, irċievi bit-tislija tiegħi l-ikbar att tiegħi ta’ mħabba... lill-Kattoliċi fidili u militanti, liż-żgħażagħ, lil dawk li qegħdin ibatu, lill-foqra, li dawk li jfittxu l-verità u l-ġustizzja, lil kulħadd, il-barka tal-Papa, li qiegħed imut.”

    Il-funeral sempliċi ta’ Pawlu VI

    Pawlu VI ried funeral sobriju, mingħajr riti partikulari. Ħalla miktub li riedu sempliċi, il-qabar imħaffer fl-art, b’sinjal umli li jindika l-post u l-ebda monument għalih. Filfatt it-tebut tiegħu kien sempliċissimu, mingħajr tiżjin, ta’ injam irħis, u mqiegħed mal-art fi Pjazza San Pietru, u fuqu Vanġelu miftuħ. Kienet l-ewwel darba li funeral ta’ Papa sar b’mod hekk sempliċi. Iż-żewġ suċċessuri tiegħu għamlu l-istess għażla, u ma qagħdux lura milli jirreferu għalih bħala l-gwida spiritwali tagħhom matul il-pontifikat tagħhom.

    Fl-1976, in-New York Times kien semma lill-Kardinal Pollakk Karol Wojtyla fost l-għaxar kardinali li jistgħu jsiru Papa. Dakinhar tal-mewt ta’ Pawlu VI, Wojtyla qaddes għall-Papa f’monasteru Franġiskan f’Kalvarja fil-Polonja, post għalqalbu ħafna, fejn kienu jieħu gruppi jagħmlu l-Via Sagra. Dakinhar, il-patrijiet rawh inkwetat. 

    26 ta’ Awwissu: Il-Konklavi

    Meta ġew biex jagħżlu s-suċċessur ta’ Pawlu VI, il-110 Kardinal eletturi kienu maqsumin prinċipalment fi tliet fazzjonijiet: il-konservattivi li kienu jappoġġjaw lill-Kardinal ta’ Genova Giuseppe Siri, dawk favur ir-riformi tal-Konċilju u dawk iktar progressisti li kienu jappoġġjaw lill-Kardinali Sergio Pignedoli u Sebastiano Baggio. Kien ġab xi ftit voti ukoll il-Kardinal Karol Wojtyla, minn dawk il-Kardinali li xtaqu li l-Papat ma jibqax xi ħaġa Taljana.

    Il-Kardinal Albino Luciani ma riedx isir Papa u kien hu l-ewwel wieħed li tkellem fuq Papa mhux Taljan. Fil-fatt, huwa dejjem ivvota għall-Kardinal Aloisio Lorscheider, Franġiskan li sar jaf fil-Brażil, li min-naħa tiegħu kif wieħed mill-iktar akkaniti favur Luciani, propju għax ma kienx nesa ż-żjara tiegħu fil-Brażil. Kien l-Arċisqof ta’ Firenze Giovanni Benelli li ppropona l-għażla ta’ Luciani bħala medjazzjoni bejn id-diversi pożizzjonijiet.

    Madankollu dawn ta’ Awwissu 1978 kienu Konklavi li ma tantx damu għax wara biss tliet votazzjonijiet li saru kollha fl-istess ġurnata, fis-26 ta’ Awwissu, fis-7.18 p.m. infetħu l-bibien tal-loġġa ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan, 26 siegħa biss wara li kienu ngħalqu l-bibien tal-Konklavi. In-nies kienu tħawdu għax id-daħna ma kinitx bajda imma griża tagħti fl-iswed. (Fl-2005, bdew jindaqqu l-qniepen qabel id-daħna biex in-nies ma jitħawdux iżjed!)

    Papa Ġwanni Pawlu I

    Iddendel id-drapp kbir aħmar bl-istemma papali u l-Kardinal Pericle Felici ħabbar l-Habemus Papam. Luciani kien elett bħala l-263 Papa tal-Knisja. Huwa maħsub li vvutawlu 101 Kardinal minn 110, l-ikbar kworum li bih ġie elett Papa fis-seklu għoxrin. Luciani xtaq ikellem lill-folla imma ċ-ċerimonjier qallu li ma kinitx fit-tradizzjoni. Luciani ma nsistiex. Iżda 50 jum wara, Ġwanni Pawlu II, ma ddejjaq xejn jikser iċ-ċerimonjal u ta messaġġ lill-folla barra l-barka Urbi et Orbi.

    Luciani ma kien qed jistenna xejn l-elezzjoni tiegħu bħala Papa. Fl-għodwa qabel daħal għall-Konklavi, mar jgħid lill-mekkanik biex ifittex isewwilu l-karozza qadima tiegħu, li kienet waqfet taħdimlu kif wasal Ruma: “Jekk jogħġbok, lestiha malajr kemm tista’. Ftit ġranet oħra rrid nerġa’ lura Venezja u ma nafx kif nista’ nġib lura l-karozza jekk ikolli nħalliha hawn”, kien qallu Luciani. Lil waħda minn ħutu kien qalilha: "Per fortuna io sono fuori pericolo" (B’xorti tajba jien minix f’periklu li jagħżluni Papa).

    28 ta’ Settembru: Imut Papa Ġwanni Pawlu I

    Ġwanni Pawlu I miet għall-għarrieda, fil-lejl tat-28 ta’ Settembru 1978, wara biss 33 jum Papa. (Nitkellmu iktar fid-dettall dwar dan il-Papa f’artiklu li se jidher dwaru f’it-TORĊA lejn l-aħħar ta’ Settembru). Meta x-xufier tal-Kardinal Karol Wojtyla sema’ minn fuq ir-radju bl-aħbar tal-mewt ta’ Luciani u qalha lill-Kardinal, Woytla kesaħ u bjad. Bħal kien jaf x’hemm lest għalih. Wojtyla reġa’ qaddes f’Kalvarja quddiem l-altar iddedikat lil Massimiljanu Kolbe u talab biex il-Kardinali jagħmlu għażla għaqlija. Qabel ma telaq għal Ruma qal lil sħabu: “Ħbieb tiegħi, itolbu għalija.”

    Qabel miet, Papa Luciani kien qal lis-segretarju tiegħu: “Seta’ jintgħażel bniedem aħjar minni. Pawlu VI diġà kien wera min kellu jkun is-suċċessur tiegħu: kien bil-qiegħda quddiemi fil-Kappella Sistina. Hu jrid jiġi, għax jien se nitlaq.” Bil-qiegħda quddiemu fil-Konklavi ta’ Awwissu kien hemm propju l-Kardinal Wojtyla.

    16 ta’ Ottubru: Papa Ġwanni Pawlu II

    Wojtyla kien laħaq sar popolari u rispettat ħafna fost il-Kardinali. Pawlu VI kien sejjaħlu “bniedem kuraġġuż u mill-aqwa”.Kienu saru ħbieb kbar, u Wojtyla kien għenu f’numru ta’ enċikliki u dokumenti. Fl-1976, kien għażel lilu biex jipprietkalu fl-Eżerċizzji tar-Randan.

    Fis-16 ta’ Ottubru 1978, fis-6.15 p.m. ħareġ duħħan abjad miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina. Nofs siegħa wara l-Kardinal Felici reġa’ ħareġ fil-loġġa ċentrali u din id-darba ħabbar isem stramb u li ħawwad lill-folla preżenti: Karolum Wojtyla.Kien hemm xi ġurnalisti ħasbuh isem Afrikan. Kien l-ewwel Papa mhux Taljan wara 456 sena, u l-ewwel Pollakk.