Inawgurati żewġ proġetti artistiċi ġewwa Palazz Santa Marija l-Imqabba

    Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, waqt Kunċert Vokali u Strumentali Annwali mill-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, ġiet inawgurata is-Sala Marija Assunta.  Dan wara li din is-sala artistika saritilha restawr estensiv fuq il-ħitan, fejn ingħatat dehra ġdida permezz ta’ kuluri aktar friski xoghol ir-restawratur John Pace.  Xogħol ieħor kien jinkludi indurar bid-deheb kemm mal-ħitan kif ukoll mas-saqaf u xogħol ta’ irħamar.  Is-Sala Marija Assunta hija mdawra pitturi xogħol tal-Kavallier Paul Camilleri Cauchi liema xogħol sar bejn is-sena 1990 u 2013 u hija gawhra mhux biss għar-raħal tal-Imqabba iżda fuq skala Nazzjonali.  Dan il-progett sar grazzi ghal-fondi Finanzjament ghal-Hidma tal-Ghaqdiet Muzikali, fond mill-Ghaqda Kazini tal-Banda flimkien mall-Kunsill Mlati ghall-Arti.

    Progett ieħor li ġie inawgurat waqt din is-serata jinkludi l-intrata prinċipali tal-istess Palazz fejn apparti li sar indurar bid-deheb u irħamar, saru 4 pitturi li jiksu is-saqaf tal-istess intrata.  Proġett li ġie finanzjat mis-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija fl-okkażijoni tal-25 sena mit-twaqqif tagħha.  Ix-xoghol sar mill-Chev. Paul Camilleri Cauchi.

    Il-pubbliku jista jżur dawn iż-żewġ opri artistiċi waqt dawn il-ġranet tal-Festa dedikata lill-Patruna tar-raħal Santa Marija.