Somalu jammetti li ħebb għall-Pulizija

    Somalu ta’ 22 sena minn Birżebbuġa kien ikkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €4,000 wara li ammetta li ħebb u rreżista lill-Pulizija li kienu intervjenew waqt ġlieda.

    Il-każ seħħ dalgħodu, bejn it-3.30 a.m. u l-4.00 a.m., ħdejn Scottman’s Bar, li jinsab fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.

    Ismail Ahmed Ali kien akkużat ukoll li hedded u m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija kif ukoll li b’mod volontarju kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

    Huwa mifhum li l-każ seħħ wara li l-Pulizija nnotaw tliet persuni, fosthom l-akkużat, jiġġieldu f’Paceville u x’ħin marru jwaqqfuhom, l-istess akkużat dar għalihom.

    Huwa ġie mressaq fil-Qorti llum stess fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat tmien xhur ħabs sospiżi għal sena flimkien ma’ multa ta’ €4,000 li jrid iħallasha fi żmien tliet snin. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant.