Film dwar Papa Franġisku se jintwera fis-swali taċ-ċinema lokali

    Se jsir “special screening” bid-dħul kollu jmur b’risq Caritas Malta 

    Fil-ġimgħat li ġejjin, KRS Malta se jkunu qed iwasslu fiċ-ċinema lokali l-film: POPE FRANCIS: A MAN OF HIS WORD, film ta’ Wim Wenders li huwa t-tieni koproduzzjoni li l-Vatikan qed tagħmel ma’ filmmakers. 

    Wim Wenders jiddeskrivi l-inkontru tiegħu ma’ Jorge Mario Bergoglio, il-Ġiżwita mill-Arġentina, magħruf minn miljuni madwar id-dinja mill-2013 bħala Papa Franġisku. Wenders, flimkien mal-crew tiegħu, għal diversi snin intervistaw lill-Papa u wkoll kellhom aċċess għall-arkivji b’materjal viżiv li jinkludi lill-Qdusija tiegħu fi vjaġġi madwar id-dinja. F’dawn il-filmati l-Papa Franġisku jidher jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet madwar il-globu imma l-iktar li tispikka hi l-kuntatt ma’ ċittadini ordinarji. 

    F’dawn il-filmati kollha jagħti messaġġ qawwi ta’ kompassjoni, għaqda u umanità. Wenders ikompli jgħid li fid-dinja tal-lum hija ferm diffiċli, speċjalment għall-politiċi, li jipprattikaw dak li jippritkaw, imma għall-Papa Franġisku taħdem differenti; mhux biss huwa rappreżentant tal-Kristjani u l-Kattoliċi imma tal-umanità kollha inġenerali. Wenders itemm jgħid li l-Papa jgħix u jipprattika dak li jippritka u hu għandu l-ikbar stima lejn din l-attitudni tiegħu. 

    Il-film se jinħareġ fil-ħames anniversarju tal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u se jagħti togħma perfetta ta’ dak kollu li ħadem għalih dan il-Papa.

    KRS Malta, tkellmu mal-ET Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna biex jattendi b’mod privat jara dan il-film imma x-xewqa tal-Arċisqof Scicluna, kienet li jarah mal-pubbliku inġenerali f’serata ta’ special screening li se ssir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu 2018 fis-6.30 p.m., fit-Teatru tal-Embassy l-Belt. Il-prezz ta’ din is-serata speċjali se jkun ta’ €15 u d-dħul kollu se jmur b’risq Caritas Malta. Jingħata welcome drink qabel il-film. 

    Id-Direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, se jkun qed jattendi għal din is-serata u rringrazzja lill-Arċisqof ta’ Malta li għażel Caritas Malta bħala l-entità tal-Knisja biex tibbenifika mid-dħul ta’ dan il-film f’din is-serata speċjali. Irringrazzja wkoll lill-KRS Malta, Universal Pictures u l-Embassy ta’ dan is-sapport.