Jirrapporta b’mod falz li daħlulu u wara jinfexx f’tgħajjir kontra l-Pulizija

    Slimiż li rrapporta lill-pulizija li kienu daħlulu xi nies fid-dar tiegħu u wara nfexx f’salt tgħajjir fil-konfront tal-istess pulizija, dalgħodu tressaq b’arrest fejn kien mixli li dak rapportat minnu kien kollu falz u li ħoloq traċċi ta’ reat b’mod li setgħu jinbdew proċeduri kriminali biex ikun żgurat dak ir-reat irrappurtat kif fil-fatt sar.

    George Alfred Borg ta’ 40 sena kien mixli wkoll li għamel użu mhux xieraq ta’ xi network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li kiser il-provedimenti ta’ tliet sentenzi sospiżi mogħtija fil-konfront tiegħu mill-Qorti tal-Maġistrati. 

    Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley.