Jingħataw il-libertà proviżorja t-tlett irġiel akkużati li poġġew bomba ma’ karozza fil-Fgura

    It-tlett irġiel li jinsabu għaddejjin proċeduri kriminali b’rabta mal-każ tal-bomba li tpoġġiet taħt karozza fil-Fgura f’Jannar li għadda, liema bomba b’xorti tajba ma ħaditx, ingħataw il-ħelsien mill-arrest.

    Lorenzo Callus, Paul Farrugia u Jonathan Farrugia jinsabu akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna u Elaine Galdes u li kienu parti minn għaqda kriminali fost l-oħrajn.

    Callus waħdu kien akkużat ukoll li żamm arma tan-nar bla liċenzja, li kellu r-raża tal-kannabis, il-pjanta tal-kannabis u droga eroina waqt li Jonathan Farrugia kien akkużat bil-pussess tal-kannabis li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. 

    Fid-digriet tiegħu l-Imħallef Antonio Mizzi ta l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest lit-tlett irġiel fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €70,000. Huma kienu obbligati wkoll jiffirmaw l-għassa kuljum u jistgħu joħorġu biss mir-residenza tagħhom fil-ħin ta’ bejn is-6.00 a.m. u d-9.00 p.m. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Arnaud u l-Avukat Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Roberto Montalto assistew lill-akkużati.