Bosta reazzjonijiet kontra tinda proposta għaż-żwiemel tal-karozzini

    Hekk kif kompliet il-kritika rigward it-tbatija ta' żwiemel li jġorru l-karozzini fis-sigħat meta l-qilla tax-xemx tkun fl-aqwa tagħha, b'żiemel jaqa' u jmut fil-Floriana fl-aħħar jiem, xi uħud bdew jippruvaw joħorġu b'ideat bit-tama li jsibu soluzzjoni għal dan.

    Fuq il-midja soċjali nxtered ritratt immodifikat li juri karozzin normali b'modifika ta' tinda li tista' sservi ta' lqugħ mix-xemx u mix-xita għaż-żwiemel li jagħmlu dan ix-xogħol. Filwaqt li kien hemm minn faħħar lill-persuna tal-interess tagħha hekk kif ressqet dan il-ħsieb għal kritika kostruttiva, bosta kienu dawk li spjegaw dwar il-punti negattivi tal-istess tinda.

    Fost il-kritika marbuta ma' din it-tinda kien hemm il-fatt li din it-tinda mhix possibbli hekk kif il-kuċċier ma joqgħodx taħtha, li t-tinda se sservi ta' aktar piż għaż-żiemel li jkun qiegħed iġorr il-karozzin, li l-lunga li tinġabar taħt l-istess tinda hija xi ħaġa li se tkompli tħeddel liż-żiemel minflok tgħinu u oħrajn saħqu li din kompletament ma tagħmilx sens għax ma taqbilx mal-karozzin tradizzjonali li għal għexieren ta' snin ilna nsibu fuq il-kartolini.

    Fost il-kummenti li kienu jinkludu suġġerimenti ma naqsux dawk li qalu li waħda mis-soluzzjonijiet għal dawn iż-żwiemel hija li jiżdiedu s-siġar, mezz ideali ta' dell u arja aktar friska kemm għall-kuċċiera kif ukoll għaż-żwiemel tagħhom.