Mateo Kovacic b’self ma’ Chelsea

    Chelsea akkwistaw b’self lill-player ta’ nofs il-ground ta’ Real Madrid Mateo Kovacic. Dan l-akkwist sar possibbli wara trattattivi li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar jiem u li wasslu sabiex il-player Kroat jasal fi StamfordBridge għallinqas b’self. Fl-istess ħin dan il-ftehim kien speċi ta’ tpartit mal-goalkeeper Thibaut Courtois li ngħaqad mal-Madrileni f’dawn l-aħħar sigħat.

    Dan l-akkwist kien milqugħ tajjeb mill-coach il-ġdid ta’ Chelsea Maurizio Sarri li qal li minn dejjem kien jammira lil Kovacic anke meta kien jilgħab ma’ Inter fis-Serie A Taljana.

    Il-player ta’ 24 sena ftit seta’ jsib spazju matul dawn l-aħħar staġuni kemm ilu li ngħaqad ma’ Los Merengues tliet snin ilu. Huwa jinsab ħerqan li jagħti l-aħjar tiegħu ħalli l-esperjenza mal-Blues tkun waħda pożittiva u li wara kollox terġa’ tqajjimlu l-karriera tiegħu.