Usmanov jaċċetta li jbiegħ l-ishma ta’ Kroenke fil-club ta’ Arsenal

    L-azzjonista ta’ Arsenal, Alisher Usmanov, qal li huwa aċċetta l-offerta tar-rival tiegħu, Stan Kroenke, biex dan jixtri l-ishma ta’ £550 miljun u jieħu kontroll sħiħ tal-club.

    Il-biljunarju Amerikan, Kroenke, li għandu 67% minn Arsenal permezz tal-kumpanija tiegħu KSE, il-bieraħ ħabbar li se jagħmel offerta biex jixtri l-kumplament tal-ishma.

    Usmanov ikkonferma li huwa aċċetta li jitlaq l-ishma ta’ 30% li għandu fil-club.

    “Iddeċidejt li nbiegħ l-ishma tiegħi f’Arsenal, li jista’ jkun l-aqwa club tal-football fid-dinja,” huwa qal.

    Minkejja l-ishma li għandu, Usmanov mhuwiex parti mill-bord jew li jieħu de­ċiżjonijiet fil-club.

    F’Mejju tal-2017, il-baruni tal-metall kien għamel offerta ta’ £1 biljun biex jixtri l-club tal-Emirates iżda din ma kinitx ġiet aċċettata minn Kroenke.

    L-offerta ta’ Kroenke lill-azzjonisti jistma lill-Gunners £1.8 biljuni u l-kisba tal-ishma ta’ Usmanov hija obbligu morali li jbiegħu tagħhom lil Kroenke.

    Stqarrija tal-KSE lill-Borża ta’ Londra qalet li l-club se jmur privat u se jkompli jgħin “l-istrateġija u l-ambizzjonijiet” ta’ Arsenal.

    “L-ambizzjonijiet ta’ KSE għall-club huma biex jarawh jikkompeti konsistentament biex jirbaħ il-Premier League u ċ-Champions League, kif ukoll trofej oħra maġġuri fil-logħba tan-nisa u fil-livell taż-żgħażagħ ukoll,” kompliet tgħid l-istqarrija.

    Dan l-istaġun Arsenal għandhom mana­ger ġdid wara li Unai Emery ħa post Arsene Wenger li kien ilu jmexxi t-team 22 sena.

    Fl-istaġun finali ta’ Wenger, Arsenal spiċċaw fis-sitt post fil-Premier League waqt li fallew post fiċ-Champions League iżda kkwalifikaw għall-fażi tal-gruppi tal-Europa League.

    Il-Gunners se jibdew il-kampanja tagħhom għall-istaġun li ġej fil-Premier League kontra ċ-champions Manchester City nhar il-Ħadd li ġej.