L-Iran jakkuża lill-Istati Uniti bi “gwerra psikoloġika”

    Il-President Iranjan Hassan Rouhani (ritratt) attakka lill-Istati Uniti wara li reġgħet daħħlet fis-seħħ s-sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tal-Iran.

    Huwa ddeskriva l-miżuri bħala “gwerra psikoloġika” li għandha l-għan li toħloq firda fost il-poplu Iranjan. Is-sanzjonijiet li daħlu fis-seħħ mill-Istati Uniti se jkunu qed jaffettwaw lil diversi setturi, b’aktar azzjonijiet li mistennijin li jittieħdu fil-konfront tal-industrija taż-żejt Iranjana.

    L-Unjoni Ewropea kienet kontra tali miżuri, u ħalfet li se tkun qed tipproteġi lil dawk in-negozji leġittimi.

    L-Istati Uniti daħħlet fis-seħħ dawn is-sanzjonijiet wara li ddeċidiet li ma tibqax tonora l-patt nukleari Iranjan. Dan il-patt, miftiehem fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Barack Obama, ra lill-Iran jillimita l-attivitajiet nukleari kontroversjali bi skambju għat-tneħħija tas-sanzjonijiet.