“L-istress tax-xogħol qatel lil ommi” … Iben għalliema Awstraljana konvint li l-kundizzjonijiet ta' ħidma wasslu għall-mewt ta' ommu

    Il-każ ta’ għalliema Awstraljana li nstabet mejta fuq l-iskrivanija tagħha qajjem għagħa kbir, b’binha jisħaq li kien l-istress tax-xogħol li spiċċa biex qatel lil ommu.

    Trish Antulov kienet taħdem sigħat twal, bil-ġranet tal-ħidma tagħha kkaratterizzati minn sigħat li kienu anke jlaħħqu l-14-il siegħa ta’ ħidma.

    Wara li riċentament kienet inkarigata bħala l-prinċipal ġdid tal-iskola fejn kienet taħdem, hija kienet marret għax-xogħol il-Ħadd tal-11 ta’ Frar, u wara li dam ma sema’ mingħandha żewġha pprova jagħmel kuntatt magħha.

    Għall-ħabta tal-10.00 p.m. wara li ma rnexxilux jagħmel kuntatt magħha, huwa mar l-iskola u sabha mejta fuq l-iskrivanija tagħha. Apparentament hija kienet sfat vittma ta’ attakk tal-qalb.

    F’intervista li xxandret riċentament, binha saħaq bla tlaqliq li ommu kienet mietet kaġun tal-istress li kienet sottoposta għalih.