Opportunità tqatta’ l-lejl Għar Dalam

    Heritage Malta qegħda tagħti opportunitá lill-pubbliku biex igawdi l-wirt kulturali u naturali fil-viċinanzi ta’ Għar Dalam f’atmosfera differenti u li jorqdu fil-miftuħ u f’ambjent sikur u trankwill bejn is-Sibt 11 ta’ Awissu u l-għada filgħodu.
     
    Il-parteċipanti se jaqsmu Wied Dalam u jimxu lejn il-fdalijiet ta’ villa Rumana u ċisterna taħt l-art fis-sit Ta’ Kaċċatura kif ukoll jaraw ‘cart ruts’, oqbra, u dolmen. Fil-viċinanzi hemm ukoll Casa Ipolitto, razzett tipiku Malti tas-Seklu 17 li llum jinsab abbandunat.
     
    Il-parteċipanti se jkollhom ukoll opportunitá li jżuru t-Tempju ta’ Borġ in-Nadur u Għar Dalam. Waqt l-attivitá l-parteċipanti se jingħataw ħafna tagħrif interessanti dwar il-fawna ta’ bil-lejl bħal friefet il-lejl u baħrijiet kif ukoll se jkunu jistgħu jisimgħu l-ħsejjes li jagħmlu l-grillijiet li jgħixu f’dawn l-inħawi. Kull min ġej għandu jġib miegħu flixkun għall-ilma u torċ.
     
    Matul din is-serata se jiġi pprovdut ikel ħafif għal filgħaxija kif ukoll kolazzjon.
     
    Il-parteċipanti huma mħeġġa jilbsu żarbun adattat għall-mixi peress li parti mill-mixja se ssir fuq art imħarbta fid-dlam. Il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jorqdu barra jew ġewwa l-mużew. Għall-irqad il-parteċipanti għandhom iġibu ‘sleeping bag’, saqqu tal-arja jew tinda żgħira.
     
    In-numru ta’ parteċipanti għal din l-esperjenza eċċitanti huwa limitat u l-biljetti għall-prezz ta’ €25 għall-adulti, €21 għall-anzjani, studenti u tfal, u €20 għall-membri ta’ Heritage Malta jistgħu jinkisbu mis-siti u mużewijiet tal-aġenzija kif ukoll online mill-website, www.heritagemalta.org.
     
    Din l-attivitá tibda fis-7.00pm tas-Sibt filgħaxija u tintemm l-għada l-Ħadd fit-8.00am.