HSBC Water Programme jiċċelebra sena oħra ta' suċċess

    Wirja tal-proġett tal-arti "Imagine Water, Catch the Drop" fil-Belt Valletta, ħajt ta' ġnien vertikali fl-Iskola Primarja ta' Ħal Luqa u l-istallazzjoni ta' viti tal-ilma push-button f'St Michael School ta' Pembroke huma biss tlieta minn serje ta' proġetti favur il-konservazzjoni tal-ilma. Dawn saru matul is-sena skolastika 2017/2018 bħala parti mill-HSBC Water Programme – Catch the Drop. 

    L-Iskola ta' St Michael ħadet sehem fil-kampanja tal-HSBC Water Programme – Catch the Drop biex tibdel il-viti tal-ilma fl-iskola ħalli jkunu aktar effiċjenti. Il-miżura kellha l-għan li tagħmel titjib fit-tul fl-immaniġġjar u l-użu effiċjenti tal-ilma fl-iskola filwaqt li żiedet l-għarfien tal-istudenti dwar kemm l-ilma hu prezzjuż u x'jistgħu jagħmlu l-istudenti u l-komunità rispettiva tagħhom biex ma jaħluhx.

    Fil-Primarja ta' Ħal Luqa, l-istudenti kabbru ħxejjex fi ġnien vertikali bl-ebda telf ta' ilma. Bl-użu ta' materjal riċiklat, sostitut għall-ħamrija organika, u sistema ta' irrigazzjoni li tikkonserva l-ilma, huma ħolqu ġnien biex ikabbru ħwawar aromatiċi u ħass.

    Sadanittant, il-proġett ta' art "Imagine Water, Catch the Drop", li kien esebit f'Mejju li għadda fil-Kavallier ta' San Ġakbu fil-Belt bħala parti mill-attivitajiet ta' Valletta 2018, issa se jerġa jittella’ did-darba fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella, f’Għawdex mit-3 sas-26 ta' Awwissu 2018. Dan il-proġett tal-arti fuq tliet snin kien riżultat tal-kollaborazzjoni bejn HSBC Malta u l-assoċjazzjoni École d'art au village (Edaav) ibbażata fi Franza. 

    Il-proġett kien imfassal b’mod li jinvolvi artisti, għalliema u studenti fi proċess kreattiv b’sinifikat u fit-tul, biex iqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-ilma għall-gżejjer Maltin. Fih ħadu sehem mija u ħamsin student.

    L-HSBC Water Programme – Catch the Drop kien l-akbar kampanja ambjentali u edukattiva fuq bażi nazzjonali tat-tip tagħha f'Malta. Il-programm, li kellu l-għan li joħloq pjan favur is-sostenibbiltà tal-ilma bħala riżorsa, dam għaddej mill-2013 sal-2018, qabel ma wassal għal inizjattivi ġodda tal-Programm tal-Ilma tal-HSBC. Sal-lum, l-HSBC investa kważi €1 miljun f’ diversi skemi relatati mal-ilma f'Malta.

    Glenn Bugeja, Maniġer tal-Corporate Sustainability qal: "Kuntenti li kellna sena oħra ta' suċċess b'numru tajjeb ta' proġetti kollha mmirati biex ikun enfasizzat l-impenn tal-Programm tal-HSBC ħalli jkun hawn aktar kuxjenza dwar l-użu tajjeb tal-ilma fost l-istudenti Maltin."