Kunċert-Oratorjo fil-Katidral ta’ Għawdex mill-Fondazzjoni Santa Ċeċilja

    Nhar is-Sibt, 4 ta’ Awwissu 2018, il-Fondazzjoni Santa Ċeċilja ta’ Għawdex, f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex, sejrin itellgħu l-kunċert-Oratorjo bit-tema ‘Santa Marija, il-Mara l’Hi Sbuħija.’ Dan l-oratorjo għandu lirika ta’ Joe Psaila u kompożizzjoni tas-surmast Antoine Mercieca. 

    F’dan l-oratorjo wieħed jistenna tagħrif marbut mal-misteru tal-Assunta u mat-tradizzjonijiet li jsawwru dan il-poplu u li huma marbutin mal-ġrajja tal-Konvoj ta’ Santa Marija, liema ġrajja tellgħet wiċċ Malta mill-qiegħ fit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-awtur ħa ħsieb li lill-udjenza jdaħħalha f’dan l-ispirtu wkoll billi jmur lura fiż-żmien, u jfakkar li fl-istess post, fil-Katidral, fl-imgħoddi kien hemm tempji mibnija fil-qalba taċ-Ċittadella li fihom kienu jqimu allat pagani, u li maż-żmien issawwar f’tempju kristjan. 

    L-Oratorjo hu miktub għal solisti u orkestra li se jkunu taħt id-direzzjoni mużikali u artistika tas-surmast Antoine Mercieca. Se jieħdu sehem is-soprani Rosabelle Bianchi, Ruth Portelli u Maria Grech Magro, il-mezzo sopran May Caruana, it-tenur Charles Vincenti u l-baritonu Louis Andrew Cassar. 

    Is-serata se tkun taħt il-patroċinju tal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Dr. Justyne Caruana u tibda fit-8:30pm. Il-pubbliku inġenerali hu mistieden bla ħlas. Din l-inizjattiva hi sostnuta mill-iskema “Ministry for Gozo NGO Assistance Scheme”, programm ta’ finanzjament għall-Organizzazzjonijiet Volontarji f’Għawdex.