16 ta’ Lulju…Iż-Żwieten ifakkru l-Jum Liturġiku tal-Madonna tal-Karmnu b’sett bollol

    Illum 16 ta’ Lulju, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Festa Liturġika tal-Madonna tal-Karmnu. Dan wara li fl-istess jum tas-sena 1251 W.K. kienet dehret lil San Xmun Stock, pirjol ġenerali tal-Ordni Karmelitana.

    Biex ikompli jkun imfakkar dan il-jum, flimkien mal-wirt arkitettoniku Żejtuni, il-Grupp Filateliku taż-Żejtun ħaseb biex jippublika sett bollol bi xbihat tal-Madonna tal-Karmnu li jinsabu ġewwa ż-Żejtun. 

    Dan huwa t-tieni sett ippublikat bl-istess għan fis-sensiela bl-isem ta’ ‘Niċeċ iż-Żejtun’, bl-ewwel pubblikazzjoni kienet f’April li għadda. Dawn il-bollol, flimkien ma’ sett postcards, jistgħu jinxtraw mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun ġodda fjamanti inkella bit-timbru tal-ġurnata li jkunu nxtraw mill-fergħa tal-Posta taż-Żejtun stess.

    Iż-Żejtun huwa wieħed mill-iżjed irħula Maltin li fih insibu niċeċ dedikati lill-Madonna. Iżda dan is-sett juri ħames niċeċ bi xbiha tal-Madonna tal-Karmnu li jinsbau fi Triq Lorenzo Gafa, Bir id-Deheb; Triq Sant’Agata, Fuq ta’ Tona (Bisqallin); Misraħ il-Bandolier, Bisqallin; Triq San Duminku Nru. 2, Ħal Bisbut u dik ta’ Triq Luqa Briffa, il-Ħerba. 

    Is-sensiela ‘Niċeċ iż-Żejtun’ mistennija tkompli bil-pubblikazzjonijiet tagħha, b’pubblikazzjoni oħra ssir f’Novembru li ġej għall-okkażjoni tal-Festa Liturġika ta’ Santa Katerina. 

    Dawk kollha interessati li jkollom din it-tifkira filatelika għandhom jagħmlu jikkuntattjaw lil chircop.sean@gmail.com jew iċemplu fuq 21 663 866 jew 99 203 815.