Thibaut Courtois mhuwiex impressjonat bil-Franċiżi

    Il-goalkeeper tal-Belġju Thibaut Courtois qal li ma kienx impressjonat bil-logħob li urew it-team nazzjonali Franċiż. Dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0 grazzi għall-goal ta’ Samuel Umtiti fil-51 minuta.

    Minkejja dan kollu, il-goalkeeper ta’ Chelsea qal li Franza lagħbu football ferm negattiv u sostna li t-team tiegħu kienu aħjar minnhom fejn ma kienx jimmeritahom li joħorġu bit-telf.

    “Il-Franċiżi ddefendew tajjeb bi 11-il player u tellgħu ballun u skorjawh. Dik l-istorja kollha!” qal Courtois.

    Bosta sostnew li din id-dikjarazzjoni ma kinitx tagħmel sens minħabba li l-Belġju ftit ħolqu ċansijiet serji ta’ skor bi players bħal Kevin de Bruyne u Romelu Lukaku li kienu d-dell ta’ dawk li kellhom wirjiet kbar fil-partiti preċedenti ta’ din l-edizzjoni.

    Huwa temm jgħid li issa ser jippruvaw jiġbru ġieħhom billi jispiċċaw fit-tielet post ta’ din il-kompetizzjoni.