Smart City ''Post Biex Isuqu B’Mod Perikoluż''

    Ta’ kull ġimgħa, numru ta’ persuni differenti qegħdin jużaw il-parkeġġi għas-sewqan illegali; minkejja l-evidenza, il-Pulizija jsostnu li ma rċevew l-ebda rapport. 

    Uħud mill-parkeġġi ġewwa l-kumpless ta’ uffiċini f’Smart City, qegħdin isiru d-destinazzjoni preferuta minn numru ta’ sewwieqa mhix identifikati “għad-drifting u għal sewqan perikoluż illegali matul il-lejl. Din mhix ħaġa ta’ darba, din qegħda ssir ripetutament, kważi darba fil-ġimgħa.”

    Dan stqarru numru ta’ persuni, fosthom gwardjani tas-sigurtà, li jaħdmu ġewwa l-kumpless fix-Xgħajra. “Nisimgħuhom ġejjin minn ħafna il-bogħod, u dan minħabba li aħna maqtugħin mill-bqija tar-raħal. Ħafna drabi ma jkunx persuna waħda jew tnejn, iżda jkunu numru ta’ vetturi flimkien. Aħna mal-ewwel inċemplu lil pulizija, però ħafna drabi jagħmlu ftit minuti jiġru, imbagħad jitilqu.”

    Dan il-ġurnal żar il-parkeġġi ta’ Smart City matul il-ġurnata, fejn ġew innutati numru ta’ marki ta’ tyres ta’ vetturi differenti, li jindikaw b’mod ċar xi tip ta’ sewqan eċċessiv, anke iktar riċenti. L-istess marki jidhru evidenti wkoll fir-roundabout ftit pass il-bogħod mill-kumplrdd, liema marki juru biċ-ċar sewqan perikoluż jew eċċessiv minn sewwieq jew sewwieqa mhix magħrufa. 

    Inewsmalta ppruvat tikkonferma dan mal-pulizija, però fir-risposta uffiċjali tagħhom, il-Pulizija nnegaw li kienu qatt rċevew xi rapporti relatati mal-post, minkejja l-evidenza kontra.