UEL: Illum Balzan jilagħbu kontra Kesla ta’ Azerbaijan

    Waqt konferenza stampa li saret fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Naz­zjonali, ingħataw l-aħ­ħar dettalji dwar il-partita tal-lum bejn Balzan u Kesla ta’ Azerbaijan, valida mill-ewwel leg tal-ewwel round preliminari tal-UEFA Europa League, li se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-6.00 pm.

    Indirizzaw din il-konfe­renza stampa, il-coach ta’ Balzan, Marco Micovic, id-direttur sportiv Vladimir Simovic u l-captain Steve Bezzina.

    Il-coach Marco Micovic sostna li din se tkun partita diffiċli. Madankollu, huwa afferma li jinsab pożittiv li jekk il-players tiegħu jkunu fl-aqwa forma possibbli, kapaċi joħorġu mis-Centenary Sta-dium b’riżultat pożit­tiv u b’rashom mgħollija.

    Huwa stqarr li fl-aħħar ġimgħat wara xi videos li kienu raw, analizzaw is-sistemi tattiċi tagħhom waqt li osservaw bir-reqqa il-qawwa u d-dgħufija tal-avversarji u għaldaqstant se jagħmlu minn kollox biex japprofittaw min-nuqqasi­jiet tagħhom.

    Mistoqsi rigward kemm se jkunu qed iħossu n-nuqqas taż-żewġ midfielders tal-ogħla livell li ħallew il-club, Paul Fenech u Ryan Fenech, huwa wieġeb li meta club jitlef żewġ players tal-livell tagħhom, jin­ħassu ferm. Madankollu huwa qal li b’xi players li Balzan digà ingaġġaw fost-hom Steve Sultana, Dale Camilleri u Neil Frendo, u b’xi rtokki li fadlilhom jagħmlu, jinsab ċert li huma se jerġgħu ikunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-unuri matul l-istaġun li ġej.

    Iżda huwa qal li l-priorità assoluta bħalissa hija ż-żewġ partiti fuq 120 minuta kontra Kesla, fejn jekk tasal il-kwalifikazzjoni wara dawn iż-żewġ partiti, imbagħad jibdew jaħsbu biex jagħmlu iktar akkwisti biex ikunu iktar kompetittivi.

    Tkellem ukoll id-direttur sportiv, Vladimir Simovic, fejn bħall-coach Marco Micovic, qal li din se tkun partita diffiċli għal Balzan mhux biss minħabba l-livell tal-avversarji iżda anke b’ħarsa lejn it-tieni leg fejn il-vjaġġ lejn Baku huwa wieħed twil u strapazzuż.

    Dan jafuh sew minħabba li proprju sentejn ilu, Balzan kienu lagħbu kontra Neftci Baku u għalhekk jafu din il-belt kapitali sew ta’ Azerbaijan.

    Huwa rrimarka li l-kam­pjonat ta’ Azerbaijan huwa rrankjat fit-22 post tal- UEFA, waqt li dak Malti huwa rrankjat fl-44 post u għalhekk id-differenza fil-livelli taż-żewġ kampjonati hija waħda indiskussa.

    B’hekk daqstant ieħor, Kesla, huma superjuri għal Balzan iżda xorta waħda qal li jinsab ferm fiduċjuż li bl-iskwadra b’saħħitha li jippossjedu Balzan, kapaċi jo­ħorġu bl-unuri.

    Intant, wara tmiem ta’ staġun ferm diżappuntanti hekk kif fallielhom it-tragward tar-rebħ tal-kampjonat, il-captain Steve Bezzina, iddeskriva l-ambjent fil-kamp ta’ Balzan bħalissa bħala wieħed seren waqt li saħaq li qed jagħmel minn kollox biex jgħaddi l-esperjenza li jippossjedi lill-players l-oħra żgħażagħ fl-iskwadra.