“Popolazzjoni b'inqas tfal u aktar anzjani”

    Stqarr dan it-Terapista tal-Familja Dr Charlie Azzopardi, li enfasizza wkoll fuq iż-żieda fiż-żwiġijiet ċivili

    Statistika li ħarġet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ikkonfermat li l-popolazzjoni totali stmata ta' Malta u Għawdex fl-aħħar tal-2017 kienet ta' 475,701, żieda ta’ 3,3% meta mqabbla mal-2016.

    Kien hemm 3,072 żwieġ li seħħu fl-2017 li kienu rreġistrati f'Malta u Għawdex, inklużi żwiġijiet bejn il-barranin. Iż-żwiġijiet ċivili ammontaw għal 54.6% taż-żwiġijiet totali rreġistrati fl-2017, żieda ta' 3.1% fuq is-sena ta' qabel. 42.4% biss taż-żwiġijiet totali rreġistrati kienu bejn konjuġi fl-istess grupp ta' età. Min-naħa l-oħra, kien hemm 1,227 żwieġ reġistrat, jew 39.9% li fihom wieħed mill-konjuġi kien fi grupp ta' età ogħla minn dak tal-ieħor.

    “Interessanti il-fatt li kważi 40% taż-żwiġijiet kienu bejn koppji li d-differenza tal-età bejniethom hija konsiderevoli għax jaqgħu f'age group differenti. Din tista’ tkun trend interessanti, jew aħjar li storja tirrepeti lilha nnfisha, fejn bejn il-partners ikun hemm age gap anke ta’ 10 snin.”

    Hekk sostna ma’ dan is-sit it-terapista tal-familja Dr Charlie Azzopardi filwaqt li qal li wieħed tajjeb jistudja dawn il-fenomeni aktar fid-dettall. “Eżempju jista’ jkun li rġiel Maltin qed jiżżewġu nisa iżgħar ħafna minnhom, jista’ jkun li dawn in-nisa huma barranin u mhux Maltin. Insomma fenomenu li jista’ jkun qed jirrifletti ħafna affarijiet dwar il-perċezzjoni tal-maturità eċċ.”

    L-istatistika turi li n-numru tat-trabi imwielda rreġistrat matul l-2017 naqas b'3.5% fuq is-sena ta' qabel. 3.2% tal-ġenituri li welldu fl-2017 kienu żgħażagħ taħt l-età ta' 20 sena. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-ġenituri li welldu, 65.2% kellhom bejn 25 u 34 sena. Intant, l-imwiet residenti żdiedu b'6.9% matul is-sena ta’ qabel.

    Dr Azzopardi qalilna li “ovvjament dawn in-numri juru popolazzjoni li qed twelled inqas tfal u tkabbar aktar anzjani. Interessanti pero in-numru ta’ nies fl-età tax-xogħol huwa aktar għoli minn dak tat-tfal u tal-anzjani.”

    Intant, Azzopardi saħaq li t-twelid tat-trabi huwa interessanti ghax juri kif l-età riproduttiva tibqa’ dik li dejjem kienet anke jekk hemm min jkun aktar min 34 u izghar min 20 sena. “Ma niskantax li kien hemm 3.2% li welldu f'età żgħira. Dejjem kien hemm u dejjem se jibqa’ jkun hemm. Huma trends dawn wara kollox. Sa 60 sena ilu n-nisa partikolarment kienu jiżżewġu tfal, ta’ 16-il sena bil-kunsens ta’ kulħadd u jagħmlu t-tfal żgħar ħafna wkoll.”

    “Dwar iż-żwiġijiet interessanti r-rata dejjem akbar ta’ żwieġ ċivili. Dan ifisser li r-reliġjoni m'għadiex daqshekk importanti għan-nies? Wieħed irid iqis iż-żwiġijiet bejn barranin wkoll, li jiġu jiżżewġu Malta u jerġgħu jitilqu lura pajjiżhom l-għada u dawk li huma barranin imma huma resident Malta u allura jista’ eventwalment jkollhom tfal Maltin,” temm jgħid Azzopardi.