Fl-Indja: Jieħdu selfies u filmati ta' nies qed imutu wara inċident … Il-Pulizija Indjana tikkundanna aġir inuman

    L-ossessjoni għas-selfies u l-midja soċjali fl-Indja laħqet livell tassew deplerevoli, b’diversi persuni jispiċċaw jieħdu selfies, filmati u ritratti u wara jippubblikawhom fuq il-midja soċjali ta’ tliet vittmi ta’ inċident tat-traffiku li kienu qed imutu fuq il-post kaġun tal-ġrieħi li ġarrbu.

    Il-pulizija kkundannat bis-sħiħ l-aġir inuman ta’ dawk preżenti hekk kif naqsu milli jipprovdu assistenza lill-vittmi wara li l-mutur li kienu fuqu kien involut f’ħabta ma’ xarabank tal-iskola. L-inċident seħħ fl-istat ta’ Rajasthan fit-Tramuntana tal-pajjiż.

    Ritratti li kienu qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali juru lil persuni jieħdu selfies, bil-vittmi tal-inċident jidhru mitluqin għal tulhom mal-art f’għadajjar ta’ demm.

    Wieħed mill-irġiel qed ikun rapportat li miet mad-daqqa, filwaqt li ż-żewġt irġiel l-oħra mietu wkoll fuq il-post aktar tard qabel ma ttieħdu l-isptar għall-kura.