Korsijiet għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2018-2019

    It-tagħlim għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd u m’għandu jieqaf qatt. Dan kien il-messaġġ ewlieni fit-tnedija tal-programm ta’ korsijiet tal-adulti li se jibdew f’Ottubru li ġej u li jiġu organizzati mid-Direttorat għar-Riċerka, Tagħlim Tul il-Ħajja u Impjegabilità fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Sat-3 ta’ Awwissu d-Direttorat se jilqa’ l-applikazzjonijiet għal madwar 400 kors u 90 suġġett differenti.  

    Il-programm ta’ tagħlim jinkludi korsijiet fil-ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-qari, fil-matematika u fil-kompjuter. Jinkludi wkoll korsijiet akkreditati f’livelli differenti fi tnax-il lingwa: il-Malti, l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Ġappuniż, ir-Russu, l-Ispanjol u t-Tork. Id-Direttorat joffri wkoll klassijiet ta’ tħejjija għal-Livell Ordinarju u Avvanzat u taħriġ vokazzjonali. L-għan ewlieni tad-Direttorat hu li jipprovdi kurrikulu li jpoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru tal-attenzjoni billi jippromwovi l-ħsieb kritiku, ir-riflessjoni u t-tagħlim tul il-ħajja.   

    Din is-sena l-korsijiet se jkunu mifruxa f’7 ċentri għat-tagħlim tal-adulti, 35 kunsill lokali u 17-il organizzazzjoni mhux governattiva. Dawn jattiraw ’il fuq minn 10,000 student/a minn sittax-il sena ’l fuq. Ħafna mill-korsijiet huma ta’ 32 ġimgħa minn Ottubru sa Mejju u l-ħlas tal-korsijiet hu sussidjat u jibda minn €18.63 għal korsijiet qosra u €46.59 għall-korsijiet tas-SEC.

    Id-Direttorat jassigura li l-opportunitajiet ta’ tagħlim huma miftuħa għal kulħadd u li persuni ta’ kull età huma mħeġġa jilħqu l-potenzjal tagħhom. Joffri wkoll servizz ta’ għajnuna lill-applikanti biex jagħżlu l-kors adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.     

    Dawk interessati għandhom japplikaw billi jaċċessaw is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt jew imorru personalment fil-binja tal-Edukazzjoni fi Triq l-Assedju, il-Furjana (tel: 2598 2291, 2598 2292), fil-kunsilli lokali jew fiċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov.