Is-sħana iġġib magħha konsegwenzi għall-marid jekk ma jsirux biżżejjed donazzjonijiet tad-demm fil-ħin

    Is-sħana bdiet tagħmel tagħha, u wisq probabbli wieħed irid jagħmel sforz ikbar biex jagħti d-demm. Dan ovvjament għax is-sħana ġġib magħha telqa’ u għejja. Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ ħeġġa, u bil-bżonn ma jaqta’ xejn ta’ 50 borża demm kuljum, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella lil kulmin jista’ jagħti biex jagħmel kuraġġ u jġib quddiem għajnejh il-konsegwenzi għall-pazjenti magħdura bil-mard, jekk ma jsirux biżżejjed donazzjonijiet tad-demm fil-ħin.

    Għaldaqstant dawk li jixtiequ jikkoperaw f’dan ir-rigward huma mistiedna biex jersqu u jagħtu d-demm:

    ·    fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00 am sas-6:00 pm.

    ·    fil-binja annaessa mal-Knisja tas-Salib Imqaddes, żona Sant Andrija, Ħaż-Żabbar li nhar il-Ħadd 15 ta’ Lulju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm bejn it-8:30am u s-1:00pm.

    ·  fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar it-Tlieta 17 ta’ Lulju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

     Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.