Tfajla tirrakkonta kif rat lil Liam Debono jtajjar lill-Kuntistabbli

    Tfajla li kienet qed tistenna fuq l-istage tal-linja u li rat iseħħ quddiemha l-inċident li fih il-Kuntistabbli Simon Schembri safa mtajjar minn ġuvni bil-karozza, irrakkontat fil-Qorti kif l-inċident kellu l-bidu tiegħu meta l-Kuntistabbli kien waqqaf lix-xufier u talbu jagħtih il-karta tal-identità.

    It-tfajla kienet qed tixhed permezz ta’ video-conference fil-kumpilazzjoni li għaddej minnha Liam Debono, li qed ikun akkużat b’47 akkuża b’dik ewlenija tkun l-attentat ta’ qtil ta’ Schembri. L-inċident seħħ fil-15 ta’ Mejju li għadda.

    Hija spjegat li fit-7.45 a.m., kienet qed tistenna l-karozza tal-linja fuq l-istage minn fejn rat lill-Kuntistabbli jieqaf quddiem vettura tat-tip Mercedes li kienet qed tinstaq minn Debono. 

    Tgħid li dawn waqfu żewġ metri biss ‘il bogħod minnha u spjegat li l-Kuntistabbli mar ħdejn ix-xufier fejn talbu l-ID Card, bix-xufier jagħmel sinjal b’rasu li ma riedx. 

    Qalet li l-Kuntistabbli mar lura ħdejn il-mutur u sadanittant ix-xufier beda jsuq il-karozza. Waqt li l-Kuntistabbli talbu jieqaf, l-akkużat ma tax kasu u baqa’ jsuq. Hi qalet ukoll li fil-ħin tal-inċident l-akkużat kien waħdu fil-karozza.

    Il-każ ikompli.

    Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Fabian Fleri, Pierguido Saliba u Chantelle Casha mentri l-Avukati Franco Debono u Amadeus CAchia qed jidhru għall-akkużat.