“Il-vittma f’dan il-każ ma kinitx persuna ordinarja iżda ġurnalista”... Jibqgħu jinżammu arrestati t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ DCG

    Għal darb’oħra l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

    L-akkużati huma George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż”, Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu” u Vince Muscat magħruf bħala “l-Koħħu”.

    Il-Maġistrat Stafrace Zammit kienet diġa’ ddeċidiet li kien hemm biżżejjed evidenza biex it-tliet akkużati jgħaddu ġuri. L-ewwel talba għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda f’April li għadda fid-dawl tan-natura serja tar-reati u r-riskju li l-akkużati jistgħu jaħarbu mill-pajjiż jew possibilment iwettqu reati oħra fost l-oħrajn. 

    Fl-aħħar deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Stafrace Zammit reġgħet għamlet referenza għall-punti msemmija fid-digriet preċedenti u rrimarkat ukoll li l-kondotta tal-akkużati turi li dawn kienu ġew ikkundannati fuq diversi reati oħra.

    Il-Maġistrat Stafrace Zammit irrimarkat kif il-vittma f’dan il-każ ma kinitx persuna ordinarja, iżda ġurnalista u għalhekk il-qtil tagħha kellu jitqies bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, pilastru f’soċjetà demokratika.

    “Jidher ukoll li l-akkużati ma aġixxewx waħedhom u għalhekk jista’ jkun li hemm persuni oħra involuti fir-reat. L-għoti tal-ħelsien mill-arrest lill-akkużati jista’ jippreġudika l-arrest ta’ persuni oħra.” 

    Kien għal dawn ir-raġunijiet li ġiet miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel.