Każ Paqpaqli: Il-Porsche kellha l-kontroll tat-trazzjoni mitfi fil-ħin tal-impatt

    Il-Porsche Spyder 918, il-karozza fil-qofol tal-inċident li seħħ waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina fl-2015, kienet qed tiġi misjuqa f’race mode meta baqgħet dieħla fuq il-pubbliku. Min-naħa l-oħra, fil-ħin tal-impatt, il-karozza kellha l-mekkaniżmu tal-kontroll tat-trazzjoni.

    Din l-informazzjoni ħarġet ilbieraħ fil-Qorti waqt seduta li matulha tliet esperti fuq l-inġinerija tal-Porsche xehdu permezz ta’ video-conference.

    Is-sewwieq tal-Porsche Paul Bailey u membri oħra tal-kumitat organizzattiv ta’ Paqpaqli għaddejjin proċeduri b’rabta mal-imsemmi inċident li fih weġgħu 23 persuna.

    Thomas Gruenter, wieħed mill-esperti, qal li l-Porsche Spyder 918 kellha ħames programmi ta’ sewqan, b’tali mod min ikun qed isuq jista’ jagħżel minnhom billi jagħfas il-buttuna li hemm fuq l-isteering. 

    Huwa qal li s-sewwieq jista’ jbiddel id-“driving mode” mill-e-power li huwa l-inqas b’saħħtu u hybrid għal sports, race u hot-lap modes. F’dawn tal-aħħar, il-karozza tiġġenera qawwa massima ta’ 900bhp.

    Matul it-testijiet dinanjostiċi f’Malta, l-inġiniera stabbilixxew li fil-mument tal-impatt, il-Porsche kienet fuq race mode, waqt li l-kontrolli ġenerali u dawk ta’ trazzjoni kienu mitfija.

    Tennew li meta titfi l-kontroll tat-trazzjoni, jitilgħu tliet allerti differnti, kemm dwal kif ukoll ħsejjes. Barra minn hekk, meta titfi l-karozza kollox jerġa’ jiġi kif kien, u b’hekk kull sewwieq differenti jkun jista’ jirranġa l-kontrolli kif jixtieq hu. 

    Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja waqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Josric Mifsud, Silvio Magro u Hubert Cini. 

    L-Avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna Lowell qed jassistu lil Paul Bailey. Għall-membri tal-kumitat organizzattiv qed jidhru l-Avukati Joe Giglio, Stefano Filletti, Arthur Azzopardi, Michael Sciriha, Raphael Fenech Adami u Albert Zerafa. 

    L-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia, Roberto Montalto, Michael Grech, Shazoo Ghaznavi, Alessia Zammit McKeon u Reuben Farrugia huma fost l-avukati li qed jidhru bħala parte-civile għall-vittmi. L-Avukat Jason Azzopardi kien qed jassisti lill-esperti waqt il-video conference.