''Il-popolazzjoni qed tinżamm stabbli bl-immigranti''

    “Ir-rata tar-riproduzzjoni f’Malta hi baxxa u dan wassal għal tnaqqis fl-ammont ta’ wlied. Abbażi ta’ dan, il-popolazzjoni Maltija laħqet ċertu peak. Biex inżommu l-popolazzjoni stabbli qed niddependu fuq l-immigranti li qed joħolqu żieda netta fuq il-popolazzjoni. Dan hu l-fenomenu li qed ngħixu bih illum.”

    Sostna dan il-Professur Godfrey Baldacchino, soċjologu, f’kummenti li għadda lil dan is-sit fid-dawl tal-aħħar statistika maħruġa mill-Eurostat li wriet kif fl-2017, Malta kellha l-akbar żieda relattiva fir-rata tal-popolazzjoni tagħha minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. 

    Prof. Baldacchino tkellem ukoll dwar ir-rata qawwija fir-ritmu ekonomiku u semma kif mal-1,000 barrani qed jiġu jaħdmu f’pajjiżna kull xahar. Minn dawn, ikun hemm numru li jibqgħu u numru ieħor li jitilqu.

    Sadanittant, l-istatistika turi kif fl-1 ta’ Jannar li għadda l-popolazzjoni f’Malta kienet tlaħħaq l-475,700, li tfisser żieda ta’ 15,400 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

    Jirriżulta li fl-2017, il-popolazzjoni żdiedet f’19-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u naqset f’disa’ pajjiżi. L-akbar żieda relattiva kienet osservata f’Malta (+32.9 għal kull 1,000 resident) u wara kien hemm il-Lussemburgu (+19), l-Isvezja (+12.4), l-Irlanda (+11.2) u Ċipru (+11).

    B’kuntrast għal dan, l-akbar tnaqqis kien reġistrat fil-Litwanja (-13.8) segwita mill-Kroazja (-11.8), il-Latvja (-8.1), il-Bulgarija (-7.3) u r-Rumanija (-6.2). B’kollox, il-popolazzjoni fl-UE żdiedet b’1.1 miljun (+2.1 għal kull 1,000 resident) matul is-sena 2017. 

    Il-Eurostat turi wkoll kif matul l-2017 twieldu 5.1 miljun tarbija fl-Unjoni Ewropea, kważi 90,000 inqas mis-sena ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, mietu 5.3 miljun tarbija, li jfisser 134,200 inqas minn dak reġistrat is-sena ta’ qabel.