Jintlaħaq ftehim mas-sidien tal-barrieri

    L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta (MDA) hi ħabbret li waslet għal ftehim ma' għadd ta’ sidien tal-barrieri biex jiftħu s-siti tagħhom għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni waqt li qed jitħabtu biex iżommu l-imposti stabbiliti.

    Dan huwa r-riżultat tal-isforzi tal-MDA bil-għan li tinstab soluzzjoni temporanja għall-problema tar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni waqt li tipprova tevita żieda fit-tariffi. L-MDA hija kompletament konxja li żieda f'dawn il-ħlasijiet twassal għal żieda oħra fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni, xi ħaġa li teħtieġ li tiġi evitata.

    Filwaqt li tirrikonoxxi li din hija biss soluzzjoni temporanja, l-MDA hija impenjata li tikkoopera mal-awtoritajiet, f'konsultazzjoni mas-sidien tal-barriera u partijiet interessati oħra, biex tfittex soluzzjoni aktar permanenti għal din il-problema li l-industrija tal-kostruzzjoni kellha tiffaċċja żmien twil.