L-Arċisqof jirritorna mill-Pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa

    L-Arċisqof Charles J. Scicluna flimkien mal-grupp ta’ pellegrini żgħażagħ waslu Malta dalgħodu wara pellegrinaġġ ta’ tmint ijiem fl-Art Imqaddsa. F’dawn l-aħħar jiem żaru x-Xmara Ġordan fejn ġeddew il-wegħdiet tal-magħmudija, il-qabar ta’ Lażru, il-belt ta’ Ġeriko u l-Baħar il-Mejjet.

    Huma żaru wkoll il-Bażilika tan-Natività f’Betlehem waqt li f’Ġerusalemm żaru ċ-Ċenaklu, is-Santwarju tad-Dormizzjoni tal-Madonna u l-Bażilika tal-Ġetsemani fost l-oħrajn. Il-pellegrinaġġ laħaq il-qofol tiegħu b’purċissjoni b’riflessjoni fuq il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej u biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Għid fil-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu.

    Il-pellegrinaġġ, immexxi mill-Arċisqof Scicluna, kien organizzat mill-Kummissarjat tal-Art Imqaddsa flimkien mal-Malta Catholic Youth Network (MCYN).