Mixli li ħarab mill-għassa ta’ Bormla wara li ħebb għas-sieħba

    Raġel ta’ 37 sena mix-Xgħajra ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li nhar it-Tnejn li għadda ħarab mill-kustodja tal-Pulizija minn ġewwa l-għassa ta’ Bormla u li darab ħafif lis-sieħba tiegħu. 

    Huwa kien mixli wkoll li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija, li hedded Kuntistabbli u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

    Fil-Qorti r-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

    Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Eman Hayman u Oriana Spiteri mentri għall-imputat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.