Żewġ nisa Bulgari jeħlu ħames xhur ħabs fuq pick-pocketing

    Żewġ nisa Bulgari li qed jistennew tarbija kienu kkundannati ħames xhur priġunerija kull wieħed wara li ammettew li serqu minn żewġ stabbilimenti f’Tas-Sliema.

    Iliyana Ilieva ta’ 23 sena u Genoveva Stoilova ta’ 25 sena, kienu tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati b’rabta ma’ żewġ serqiet li allegatament twettqu bejn l-20 u l-21 ta’ Ġunju. 

    L-Ispettur Mark Mercieca kien spjega kif wara rapport li daħal fl-għassa ta’ Ta’ Sliema li xi ħadd kien seraq ‘hand bag’ ta’ mara minn ħanut, il-Pulizija kienet elevat numru ta’ CCTV cameras fejn imbagħad inċerttaw liż-żewġ persuni u arrestawhom. 

    Iż-żewġ akkużati, li għandhom tqala ta’ sitt xhur u tliet xhur rispettivament, wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

    Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-piena, l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, kkunsidrat in-natura tar-reati li tagħhom qed jinsabu ħatja n-nisa Bulgari kif ukoll ir-reat ta’ serq minn fejn irriżulta li l-akkużati ġew Malta speċifikament biex jisirqu. 

    Dan hekk kif huma kienu ġew għal ftit ġranet bi ftit flus kontanti fuqhom u mingħajr ma rriservaw kamra f’lukanda tant li kienu jorqdu fuq il-bajjiet, tipi ta’ reati li fi kliem il-Qorti “qed isiru ferm aktar frekwenti f’pajjiżna”. 

    Min-naħa l-oħra kkunsidrat li n-nisa ammettew fi stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri, f’Malta għandhom fedina penali netta u li fil-Qorti rristitwew l-ammont misruq. 

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti sabet lil Iliyana Ilieva u Genoveva Stoilova ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u kkundannathom ħames xhur ħabs.

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Mercieca.